Minkejja li l-ġurnal The Times ħareġ jirrapporta li isem l-eks Spettur Jonathan Ferris ma jissemmix fil-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja, jirriżulta li għall-kuntrarju ta’ dak irrapportat, isem Ferris jissemma bi prominenza dwar is-suppost miljun dollaru Amerikan li qal li daħlu fil-kumpanija Egrant minn kumpanija fl-Ażerbajġan, allegazzjoni li rriżulta li kienet ukoll iffabbrikata.
Il-gazzetta rrapportat li s-Sur Ferris mistenni jiġi mistoqsi mill-pulizija dwar allegata xhieda falza fl-inkjesta Egrant. Il-gazzetta żiedet tallega li isem Ferris ma jidher imkien fil-konklużjoni tal-inkjesta Egrant ippubblikata mill-Avukat Ġenerali.
Madankollu, fl-inkjesta indipendenti, il-Maġistrati Bugeja jsemmi lil Ferris dwar is-suppost miljun dollaru li ngħad li għaddew fil-kumpanija Egrant mill-Ażerbajġan.
L-inkjesta qalet li Pierre Portelli wasal li jagħmel il-kollegamament bejn il-miljun li suppost ħarġu mill-kont ta’ Sahra FZCO mal-allegati ħlasijiet li suppost irċeviet Egrant li kitbet dwarhom Daphne Caruana Galizia fuq naħa u lil Jonathan Ferris sabiex jikkonkludi li dawn kienu l-pagamenti li qal li sab u li saru mill-kont ta’ Sahra FZCO u li skontu tħallsu direttament lil Michelle Buttigieg ta’ Buttardi.
L-inkjesta kkonkludiet li kemm mix-xhieda tal-impjegati tal-Bank, jiġifieri tal-Awdituri tal-KPMG u aktar importanti tal-Forensic Accountant Miroslava Milenovic, ebda rabta jew pagamenti ma rriżultaw li saru.
Il-Qorti sostniet li dawn kienu jirrelataw għal persuni oħra li m’humiex la Egrant u lanqas Michelle Buttigieg jew Buttardi kif ġie allegat minn Ferris.