Għat-tieni darba fi tlett ijiem, il-gazzetta The Times għażlet li ma tikkwotax it-tweġiba tal-Ministeru għal Għawdex dwar is-servizz tal-fast ferry, fl-istess ħin li kompliet tippublika stejjer żbaljati fl-aħħar fazijiet ta’ proċess ta’ tender fejn huwa naturali li l-ħruġ ta’ dettalji sensittivi jistgħu biss jippreġudikaw il-proċess.
Fi stqarrija l-Ministeru għal Għawdex qal li l-ġimgħa li għaddiet il-Ministeru għal Għawdex irċieva domandi mir-reporter Ivan Camilleri dwar it-tender tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex li dan il-Gvern wiegħed fil-manifest elettorali u se jwettaq. Il-Ministru Caruana wieġbet li d-dettalji kollha jistgħu jingħataw malli l-proċess tal- Public Service Obligation (PSO) tender jintemm.
Intqal kif it-Times iddeċidiet li l-Ħadd tippublika storja intitolata Minister of Gozo refuses to justify fast ferry service fejn imkien ma ġiet imqar ikkwotata l-verzjoni tal-Ministeru għal Għawdex.
Għalhekk l-istess Ministeru għamel użu mid-dritt ta’ tweġiba mogħti mill-Liġi tal-Istampa iżda minflok din it-tweġiba reġħet ġiet ppublikata storja oħra fejn għal darba oħra l-ispjegazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex ma dehret imkien.
Dawn huma l-fatti. Il-proċess li sar mill-Gozo Channel kien ta’ preliminary market research u l-kumpanija aċċettat l-offerta li l-iktar kienet tissodisfa r-rekwiżiti tagħha biex tkun f’pożizzjoni li tipparteċipa fit-tender tal-Public Service Obligation (PSO).
Sostna li hija ħasra li The Times ma tifhimx li, fi kwistjoni daqstant sensittiva u li l-eżitu tagħha għandu impatt sostanzjali fuq it-trasport bejn il-gżejjer u l-futur tal-kumpanija Gozo Channel, ir-responsabbilita tal-Ministeru għal Għawdex hija li ma jiġix ippreġudikat l-eżercizzju tal-PSO.
L-istqarrija temmet tgħid li din il-prudenza hija korretta U mistennija f’soċjetà li tirrispetta s-saltna tad-dritt.