Il-ġurnal The Times fetaħ libell kontra l-ex ġurnalist tagħha Ivan Camilleri. Dan wara li l-Ħamis għamel bosta allegazzjonijiet fil-konfront tal-gazzetta fosthom li sar komplott kontrih biex seta’ jitkeċċa mill-impjieg tiegħu. Camilleri tkeċċa minn ġurnalist f’Diċembru li għadda wara li l-gazzetta maltatoday allegat li Camilleri għadda informazzjoni lil Yorgen Fenech, li l-Pulizija kienet qiegħda ssus warajh.
Il-Ħamis, Camilleri ressaq protest ġudizzjarju li fih allega li tkeċċa b’mod illegali. Huwa talab li jingħata kumpens. Camilleri żied jallega li wħud fit-tmexxija tal-gazzetta wettqu komplott kontrih u ffabbrikaw stejjer dwaru biex setgħu jeħilsu minnu.
Fi stqarrija, Allied Newspapers qalet li dawn l-allegazzjonijiet m’għandhom ebda bażi u huma biss frott l-immaġinazzjoni ta’ Camilleri.
Il-kumpanija qalet li kemm dam ma’ The Times, Camilleri li kien qrib ħafna tal-fazzjoni tal-ex Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, wettaq bosta nuqqasijiet fosthom li ħareġ informazzjoni sensittiva lil terzi persuni.
F’Ottubru li għadda, il-gazzetta maltatoday allegat li Camilleri kien involut f’każ ta’ serq ta’ oġġetti ta’ valur minn supermarket fin-Naxxar. B’reazzjoni, il-gazzetta kienet ħarħet tagħtih l-appoġġ tagħha wara li Camilleri ċaħad l-allegazzjonijiet kontrih.
Madankollu f’Diċembru li għadda, il-gazzetta spiċċat irtirat l-istqarrija wara li ħarġu fil-beraħ fatti ġodda dwar il-każ inkluż fil-qorti.
Fl-istqarrija tagħha, The Times qalet li matul is-snin, kien hemm bosta każijiet li nġiebu għall-attenzjoni tal-kumpanija li kienu jinvolvu bosta inċidenti ta’ mġiba inaċċettabbli minn Camilleri fil-konfront ta’ kollegi preżenti u passati tiegħu. Qalet li dawn lesti jixhdu kontrih fil-qorti.
Il-kumpanija qalet li d-deċiżjoni li ttemm l-impjieg ta’ Camilleri kienet imġiegħla fuq il-kumpanija minħabba bosta nuqqasijiet gravi li kollha kemm huma qalet li jittradixxu l-prinċipji ġurnalistiċi tal-kumpanija.