“Kitbu bla ma mqar kienu interessati jivverifikaw il-fatti.”
Kien b’dan il-mod li l-Kap tas-Segretarjat tal-Gvern, Glenn Micallef irreaġixxa għal fake news mis-sit The Shift News fejn intqal li ngħata permess għal żvilupp fuq residenza f’Ħad-Dingli, minkejja li dan ġie miċħud minn case officer.
Iżda, l-istess sit li ta’ kuljum ma jippubblika xejn ħlief stejjer kontra l-Gvern u l-Partit Laburista, għamel dan mingħajr ma vverifika l-fatti bażiċi.
Fil-fatt, kien Glenn Micallef innifsu li ċċara l-fatti, quddiem dawn l-allegazzjonijiet foloz mis-sit li huwa mmexxi minn Caroline Muscat, eks ġurnalista tat-Times u li mexxiet il-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista fl-2017 fi żmien Simon Busuttil.
Permezz ta’ stqarrija fuq Facebook Glenn Micallef sostna li fil-verità lanqas biss għandu residenza f’Ħad-Dingli allura wisq inqas talab għal permess.
Quddiem dan kollu, Micallef sostna li dan mhux każ iżolat.
Fil-fatt, ftit tal-ġimgħat ilu wkoll, il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard, kellha wkoll toħroġ tiċċara l-fatti u xxejjen allegazzjonijiet foloz li missierha kien ibbenefika minn skema li ma kienx intitolat għaliha.
Dan filwaqt li The Shift ukoll kienet ippubblikat storja giddieba oħra fil-konfront tal-Prim Minsitru Robert Abela fejn allegat li i qed isir xogħol bla permess fi proprjetà tal-Prim Ministru. Din ukoll kienet gidba.
Dakinhar, dik l-istorja ġiet irtirata u l-istess ġara fil-każ tal-Kap tas-Segretarjat tal-Gvern Glenn Micallef hekk kif The Shift News, wara li ppubblikaw l-artiklu mimli gideb, spiċċaw neħħewh minn fuq is-sit tagħhom.