The Meeting Place fil-Marsa issa qed ikun miftuħ għall-familji li qegħdin fuq l-ispettru tal-awtiżmu.
B’hekk, dawn il-familji se jkollhom aċċess għal spazju mhux restritt għalkemm protett mill-perikli, fejn uliedhom ikunu jistgħu jiġru u jilagħbu b’mod ħieles waqt li huma jgawdu ftit ħin ta’ serħan.
Dan qed isir b’riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn The Marigold Foundation u The Meeting Place.
The Meeting Place jipprovdi lill-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fis-settur tal-edukazzjoni, tas-saħħa, u dak soċjali b’bini modern biex jorganizzaw laqgħat, laqgħat ġenerali annwali, konferenzi, taħriġ u seminars.
Il-post huma maħsub wkoll biex joffri appoġġ u integrazzjoni permezz ta’ infrastruttura pubblika u bażi komunitarja.
Waqt it-tħabbir ta’ din l-inizjattiva, iċ-Chairperson ta’ The Marigold Foundation, Michelle Muscat, qalet li tali inizjattivi jservu biex il-ġenituri jirnexxilhom ukoll jieħdu ħsieb il-benesseri tagħhom filwaqt li jibqgħu jieħdu ħsieb lil uliedhom.
Hija ħabbret li l-Fondazzjoni qed tikkonsolida s-sostenn annwali tagħha lejn l-Autism Parents Association (l-APA), inkluża l-kollaborazzjoni tagħha mal-AutismEurope.
Is-Segretarja tal-APA, Emma Mc Ewen, qalet li inizjattivi bħal dawn jintlaqgħu b’ferħ mill-organizzazzjoni, li tistinka biex tagħmel ħajjet il-membri tagħha xi ftit inqas diffiċli. Hija iżżiet ħajr lil The Marigold Foundation għall-appoġġ ma jaqta’ xejn tagħha.
The Meeting Place se jkun miftuħ għall-persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu kuljum mis-6pm ’il quddiem mingħajr il-ħtieġa li jsir appuntament.
Biex wieħed jattendi f’ħinijiet oħrajn, ikun irid jibbukkja bil-quddiem billi jibgħat imejl fuq saviour.c.grima@gov.mt, iċempel fuq 25903493, jew billi jibgħat messaġġ permezz tal-paġna ta’ The Meeting Place fuq il-Facebook.