The Meeting Place, li fetaħ il-bibien tiegħu f’Ġunju tal-2019 bħala l-ewwel u l-unika entità tal-Gvern li topera erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, mhux biss jilħaq l-aspettattiva ta’ ismu stess, iżda f’dawn is-snin rnexxielu joħloq “komunità” fi ħdan komunità tal-Marsa.
Il-post, li nħoloq b’idea tal-Marigold Foundation, joffri kull tip ta’ loġistika u kumdità lil entitajiet oħrajn statali u għaqdiet mhux governattivi biex jiltaqgħu, jorganizzaw attivitajiet u jagħtu servizzi u taħriġ lil individwi, inkluż f’każi soċjali.
Fil-fatt, il-post jara ħafna laqgħat anke minn ġenituri ma’ wliedhom li, minħabba ordnijiet tal-Qorti, ma jkunux jistgħu jarawhom jekk mhux taħt il-ħarsien ta’ professjonisti.
U hawn dawn isibu ambjent ta’ dar u familja, tant li jirriżulta lil ONE News li anke l-qrati tagħna llum qed jirrikonoxxu titjib fil-każi ta’ persuni involuti mindu bdew jattendu fil-post.
Iżjed minn hekk il-qrati, partikolarment dik tal-familja, saru iżjed jirrakkomandaw il-post fis-sentenzi li jingħataw.
Fl-aħħar ħames snin u nofs, kien hemm mas-66,000 persuna, minn tfal sa anzjani, li għamlu użu mill-post u l-popolarità tiegħu għadha qegħda tkompli tinfirex sena wara oħra.
Mill-2020, l-ewwel sena sħiħa tiegħu, in-numri tal-viżitaturi ttripplaw is-sena li għaddiet fejn saru mal-elfejn u mitejn laqgħa f’diversi forom.
U dan mingħajr ma jħallsu xejn tas-servizz.
The Meeting Place, li jaqa’ taħt il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, għandu allokazzjoni speċifika tiegħu fil-baġit.
Iżda, iżjed minn hekk, kif indikalna wkoll il-Maniġer tal-entità, Saviour Grima, The Meeting Place illum stabbilixxa ruħu ferm aktar bħala komunità, b’membri ġodda li jiżdiedu u jintegraw regolarment mal-bqija bħala familja.
Il-post hu mgħammar bi swali għal laqgħat fi gruppi, kamra multi-sensorjali għal persuni fuq l-ispettru tal-ADHD, uffiċini u postijiet riservati anke għal laqgħat one-to-one, u anke kċina li taqdi lil dawk kollha li jżuruh.
Bi spjegazzjoni, li tixhed l-imħabba u l-umanità li bih jinxtered is-sens ta’ għaqda ma’ persuni li kulma jkunu jeħtieġu hi dik l-ispalla t’appoġġ, Grima jispjega aħjar din l-għajnuna mill-Istat, li tiġi offruta bla wisq daqq ta’ trombi.
“Aħna nħarsu mhux biss għall-entità jew l-individwu li jiltaqa’ hawnhekk, imma li jkun hemm persuna li daħlet hawn ġew toħroġ sens sabiħ ta’ pożittività.”
“Hawnhekk jiltaqgħu entitajiet fejn verament, flimkien, jikkollaboraw fejn tara persuni u entitajiet jaħdmu flimkien, nies b’diżabbiltà, nies li għaddejjin minn trawma, nies li għaddejjin minn diversi sfidi fis-soċjetà, saħħa mentali … għandna nies li jiltaqgħu hawnhekk għaddejjin b’terapija.”
“Il-post qed jintuża għal terapija, għal post fejn persuna titgħallem, persuna tirċievi korsijiet, persuna tirċievi taħriġ, fejn il-persuna tiġi tilgħab hawnhekk f’rikreazzjoni, għandna post anke fejn persuna tiġi tuża multi-sensory room fejn persuna li għaddejja minn diffikultà, għandha bżonn ftit kwiet għaliha nnifisha.
Saviour Grima, Maniġer, The Meeting Place
Waqt li mhemmx ġurnata partikolari li hi l-istess għal The Meeting Place, anke jekk ċerti entitajiet, bħall-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS, l-Appoġġ u d-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal, li jaqgħu taħtha, għandhom programmi regolari li jsiru fil-post, għexieren ta’ għaqdiet volontarji sabu post u familja ġdida li jilqgħuhom.
Mistoqsi jekk kienx hemm każi soċjali li jibqgħu mmarkati f’din il-ħidma tagħhom, Grima jsemmi bosta.
“Kellna persuna tapprezzah li jiġi siegħa qabel biex jiltaqa’ mat-tifel jew it-tifla tiegħu u jkun ippreparat. Jew inkella tara tfal jiġu hawnhekk, ipoġġulek bilqegħda u, flimkien magħhom, tfal differenti jilagħbu flimkien. Jien ngħid l-impika se twassal għall-ġlied, imma l-kollaborazzjoni twassal għall-għajnuna.”
Saviour Grima, Maniġer, The Meeting Place
Mistoqsi kif il-post intlaqa’ anke mill-komunità tal-Marsa, Grima jispjega li għandhom relazzjoni mill-aqwa, inkluż mal-Kunsill Lokali u kull min jiffrekwenta ż-żona.