Adrian Delia għandu jsejjaħ vot ta’ fiduċja.
Iddikjara dan l-editorjal tal-gazzetta Malta Independent, fejn qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab fit-tielet gwerra interna mindu Adrian Delia ħa tmun tal-Partit.
L-editorjal sostna li f’Lulju tas-sena li għaddiet, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia talab lill-predeċessur tiegħu Simon Busuttil biex jissospendi lilu nnifsu mill-partit b’rabta mal-inkjesta Egrant. Waqt li jfakkar fi krżijiet oħrajn li laqtu lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar xhur, qal li l-qasma kompliet tikber fl-aħħar jiem wara l-ikbar żewġ telfiet elettorali li ġarrab il-partit Nazzjonalista fl-istorja tiegħu fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali u r-riżenji ta’ żewġ uffiċjali għolja tal-Partit.
L-Independent sostniet li dan qed iwassal biex pajjiżna ma jkollux oppożizzjoni denja u għalhekk Adrian Delia għandu jikkonferma l-mandat tiegħu, ħaġa li messu għamel hekk kif ħareġ ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Fin-nuqqas ta’ dan, qal li dawk li jopponu lil Delia għandhom jiġbru l-firem u jitolbu vot ta’ fiduċja fih. Madankollu l-gazzetta qalet li minkejja li ħafna tkellmu minn wara l-kwinti dwar din il-kriżi fil-partit nazzjonalista, ħadd minnhom ma kellu l-kuraġġ jieħu dan il-pass.
L-Independent tenniet li l-PN qiegħed jitfarrak u se jkompli jitlef il-voti jekk ma jingħaqadx.
Fissret bħala azzjoni bla preċedent li fergħat tal-Partit Nazzjonalista qed jitolbu azzjoni dwar din il-qasma.
Qalet li mingħajr vot ta’ fiduċja, is-sitwazzjoni se tmur mill-ħażin għall-agħar u kulħadd se jkun meqjus responsabbli tat-tifrik tal-partit. L-iktar fost dawn se jkun Adrian Delia, u dan se jitniżżel fil-kotba tal-istorja.