Il-ġurnal Brittaniku The Guardian ikklassifika lil Malta mal-aqwa għaxar destinazzjonijiet kulturali għall-2024.
Dan ir-rikonomixximent minn dan is-sors tal-midja influwenti internazzjonalment, segwit ukoll minn miljuni ta’ persuni, isemmi kif fir-rebbiegħa li ġejja Malta se torganizza l-ewwel biennale. Għal dan l-avveniment, li se jsir bejn Marzu u Mejju, hemm interess qawwi hekk kif kien hemm aktar minn elfejn u ħames mitt sottomissjoni minn ħamsa u sebgħin pajjiż differenti minn madwar id-dinja kollha.
The Guardian irrapporta li l-għażla finali għadha trid issir, fejn l-organizzaturi lokali qalu li, matul dan l-avveniment, se jkun hemm bosta artisti ta’ fama internazzjonali li se jesebixxu x-xogħlijiet tagħhom.
Intqal ukoll li l-arti kontemporanja se tkun esebita f’diversi partijiet ta’ pajjiżna, inkluż f’siti storiċi, bħall-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, fil-Birgu u fit-Tempji tal-Ġgantija, f’Għawdex.
Din ma kinitx l-ewwel darba li fl-aħħar żmien The Guardian semma u kkwalifika lil pajjiżna fost l-aħjar destinazzjonijiet mil-lat turistiku. Dan hekk kif fl-aħħar tax-xahar li għadda, il-qarrejja tiegħu kklassifikaw lil Malta bħala destinazzjoni ewlenija mfittxija għal matul ix-xitwa fin-Nofsinhar tal-Ewropa.
Tissemma wkoll, b’mod partikolari, il-gżira Għawdxija, il-mixjiet spettakolari matul il-kosta u l-Bażilika Ta’ Pinu, fl-Għarb. Ma jonqosx li jissemma wkoll l-ikel bnin, partikolarment il-ħut, u l-inbid lokali tal-ogħla kwalità.