Madwar 200 żiemel Ewropew u ’il fuq minn 100 rikkieb se jkunu Malta f’Ottubru li ġej għall-avveniment tal-Golden Buckle; Avveniment ta’ tiġrijiet taż-żwiemel, li jattira lil bosta li għandhom għal qalbhom dan l-isport, iżda mhux biss.
F’konferneza tal-aħbarijiet tħabbru d-dettalji ta’ dan l-avveniment mifrux fuq erbat ijiem li matulhom se jsiru numru ta’ tiġrijiet taż-żwiemel f’kategoriji diversi, fosthom anke tat-tfal.
It-tiġrijiet huma differenti minn dawk li mdorrijin naraw lokalment, fil-fatt huma l-aktar popolari fl-Istat Amerikan ta’ Texas. Fejn f’tiġrija ta’ ħeffa liema bħala ż-żiemel flimkien mar-rikkieb iridu jduru f’ċirkwit fl-inqas ħin possibbli, ġieli f’inqas minn 15-il sekonda.
Id-Direttur tal-Golden Buckle International, Luigi Spina, qal li dan l-avveniment se jkun imxandar live fuq stazzjonijiet Amerikani u Awstraljani fost oħrajn li jatturaw aktar minn miljun segwaċi. Il-Golden Buckle saret l-ewwel darba s-sena li għaddiet fl-Italja, iżda din is-sena se ssir f’pajjiżna fejn l-MFCC se jiġi trasformat f’arena ta’ spettaklu sportiv.
Dan l-avveniment sportiv jista’ jsir permezz tal-kollaborazzjoni tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, illi se tkun qed tati sostenn u li għalhekk f’pajjiżna jiżdied it-turiżmu sportiv.
Fil-fatt, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, qal li t-turiżmu sportiv huwa niċċa importanti li jista’ jkompli jgħin għall-irkupru turistiku wara l-effetti tal-pandemija,filwaqt li l-isports jattira livell għoli ta’ turiżmu.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Isport, Clifton Grima semma l-investiment li qed isir mill-Gvern fil-faċilitajiet tal-isport taż-żwiemel f’Malta. Huwa qal ukoll li permezz tal-isport, il-gżejjer Maltin jiġu reklamati għat-turiżmu.