L-24 Edizzjoni tat-Tour ta’ Malta taċ-Ċikliżmu sponsorjata minn The Cyclist bdiet f’temp xitwi bix-xita u r-riħ jiddominaw l-ewwel tappa fuq distanza ta’ 12 il-kilometru kontra l-ħin, li nżammet fil-Bypass tal-Mtarfa b’numru rekord ta’ ċiklisti jieħdu sehem. Dawn ġew minn sitt klubbs lokali flimkien ma’ sittax oħra barranin, filwaqt li kien hemm numru ieħor ta’ ċiklisti li ġew minn diversi pajjiżi Ewropej. Ta’ sodisfazzjon għal Maltin kienet ir-rebħa ta’ Marie Claire Aquilina tat-Team Greens Cycling Club li qed bdiet b’suċċess id-difiża tat-titlu li rebħet fl-aħħar żewġ edizjonijiet.
L-attenzjoni prinċipali kienet fuq il-Kategorija Elite fejn fl-ewwel post daħal Josh Copley ta’ TBW Bottecchia Wigmore RT f’ħin ta’ 19:51.87. It-tieni spiċċa Timothy Flynn ta’ Poole Wheelers CC f’20:22.41, filwaqt li fit-tielet post daħal Baldassare Barbera ta’ Team Grasso Villanti Spagnolo f’ħin ta’20:29.16. L-ewwel Malti li daħal kien Christian Formosa ta’ The Cyclist li spiċċa r-raba’ f’ħin ta’ 20:42.29. Nicholas Micallef ta’ Mosta AF Sign Studio Cycling Club spiċċa fis-sitt post f’ħin ta’ 21:06.84, filwaqt li fit-8 post spiċċa Maurice Formosa ta’ The Cyclist f’21:10.08.
Il-Kategorija tal-Masters rat trijonf Ingliż fejn spiċċaw tlieta fuq il-podium. Din il-Kategorija ntrebħet minn Andrew Hicklin ta’ Peak Road Club f’ħin ta’ 21:07.12. Huwa kien segwit minn Dave Mitchinson ta’ Contour Cycles RT f’ħin ta’ 21:17.13, filwaqt li Mark Valentine ta’ Poole Wheelers CC spiċċa t-tielet f’ħin ta’ 21:18.79. L-ewwel Malti li daħal f’din il-Kategorija tal-Masters kien Fabio Spiteri ta’ Mosta AF Sign Studio Cycling Club li spiċċa fis-6 post f’ħin ta’ 21:46.22. Michael Camilleri ta’ Pro Action Volata Cycling Team spiċċa fit-8 post f’ħin ta’ 21:49.94, mentri post warajh spiċċa David Galea ta’ The Cyclist f’ħin ta’ 21:51.92.
Din l-ewwel ġurnata ġabet sodisfazzjonijiet kbar miċ-ċiklisti Feminili Maltin fejn fost numru sabiħ ta’ ċiklisti, spiċċat l-ewwel Marie Claire Aquilina tat-Team Greens f’ħin ta’ 22:06.70. Warajha spiċċaw żewġ ċiklisti Ingliżi ta’ TW 1 Racing fejn Mathilde Pauls spiċċat it-tieni f’ħin ta’ 22:32.40 u Claire Hammond it-tielet f’ħin ta’ 22:55.94. Michelle Vella Wood (Team Greens) spiċċat fir-raba’ post f’ħin ta’ 23:10.47, filwaqt li Hannah Pace (Mosta AF Sign Studio Cycling Club) spiċċat is-sitta f’ħin ta’ 23:40.95.
Fi tmiem din it-Time Trail saru l-premjazjonijiet minn Jach Schiavone ta’ The Cyclist l-isponsors uffiċjali tat-Tour, kif ukoll minn Josie Lanfranco, ex-President tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu u John Zammit, President tal-istess Federazzjoni.
It-Tour ikompli għada bit-tieni stadju fuq iċ-ċirkwit ta’ San Martin bl-Elite jagħmlu għaxar dawriet ghal distanza ta’ 88KM, filwaqt li n-Nisa u l-Masters jagħmlu sitta għal distanza ta’ 52.8KM.