Fil-kumpless biswit il-Pixxina Nazzjonali, f’Tal-Qroqq, ittellgħet attività għal mijiet ta’ persuni b’diżabilità biex tħejjija għall-bidu tal-logħob nazzjonali tas-Special Olympics bit-tema ‘The Champion Within Us’, li l-ftuħ uffiċjali tagħhom se jsir il-Ħamis.
Il-maġġoranza tal-persuni, li ħadu sehem fl-attività, jattendu ċentri ta’ matul il-jum madwar il-pajjiż u jagħmlu parti mill-programm MATP, minħabba limitazzjonijiet fiżiċi u, b’hekk, jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw fl-isport.
Saret ukoll attività oħra, fejn ikkompetew atleti iżgħar fl-età.
Fi tmiem l-attività, ilkoll ġew ippremjati b’midalji kommemorattivi.
Ħadna r-reazzjoni ta’ tnejn mill-parteċipanti, Anna Marie u Noel, b’rabta ma’ dan l-avveniment.
“Irbaħt! Qed inħossni kuntenta. Kuntenta ħafna. Champion jien.”
“Illum ġejt hawn jiena, ħadt pjaċir, grazzi talli ġejt hawnhekk. Jien nixtieq noqgħod bravu u nirbaħ il-midalji u jien nixtieq ngħidilhom grazzi.”
B’ratba ma’ dan l-avveniment, tkellimna mal-President tas-Special Olympics u mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, dwar it-tema magħżula għal din l-edizzjoni.
“It-tema li għażilna hi ‘The Champion Within Us’. Il-messaġġ hu wieħed b’saħħtu ħafna, li jfisser li kull wieħed u waħda minna, minkejja l-limitazzjonijiet tagħna u minkejja l-abbiltajiet differenti ta’ kull wieħed u waħda minna, kulħadd hemm champion ġewwa fih, għax kulħadd għandu l-abbilitajiet u, flimkien, nistgħu nagħmlu differenzi kbar.”
Tal-istess sentiment kienet Anna Calleja, id-Direttur Nazzjonali tas-Special Olympics.
“Kellna festival ta’ eżerċizzji għall-atleti li ma jistgħux jikkompetu. Għada niftħu bil-kbir, bl-opening ceremony, fejn kważi 800 atleta se jikkompetu. Pajjiżi mill-Ewropa u barra mill-Ewropa, UAE, Ċipru u l-Maċedonja ta’ Fuq, se jingħaqdu mal-Maltin għal din il-kompetizzjoni sportiva.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni spjegat xi jfisser avveniment ta’ din ix-xorta għal persuni b’diżabilità.
“Il-persuni b’diżabilità għandhom kull dritt, li jkunu parteċipi f’dak li għandu x’jaqsam mal-isport u attivitajiet nazzjonali u internazzjonali. Hu ta’ pjaċir li Malta se tkun il-pjattaforma uffiċjali għal aktar minn 800 atleta, minn madwar id-dinja, għal dan il-logħob kompetittiv.”