It-trio mużikali The Busker is-Sibt filgħodu bdew l-avventura tagħhom fi triq li ser twassalhom biex jirrappreżentaw lil Malta f’Liverpool, l-Ingilterra waqt il-festival tant mistenni ta’ kull sena tal-Eurovision Song Contest.
Bil-diska Dance (Our Own Party), the Busker se jkunu qed ikantaw fit-tieni post, tal-ewwel semi finali tal-Eurovision Song Contest li se jsir nhar id-9 ta’ Mejju meta dakinhar pajjiżna se jkun qed jipparteċipa ma’ 15-il pajjiż ieħor li jinkludu n-Norveġja, is-Serbja, il-Latvja, il-Portugal, l-Irlanda, il-Kroazja, l-Iżvizzera, l-Iżrael, il-Moldova, l-Iżvezja, l-Ażerbajġan, ir-Repubblika Ċeka, l-Olanda u l-Finlandja.
One News bakkar l-ajruport waqt li The Busker kienu qed jagħmlu ċ-check in qabel jibdew il-vjaġġ tagħhom lejn Liverpool.
It-trio mużikali spjega li, “Aħna nħobbu nimxu pass pass, illum qomna, għandna l-ewwel challenge hija li naslu Liverpool, nissetiljaw, nistrieħu kemm jista’ jkun għax għada l-ewwel ħaġa filgħodu, hija li nkunu fuq l-istage nippratikaw u jkollna l-ewwel feeling ta’ x’ħa jkun qed jiġri fid-9 ta’ Mejju. Fid-disgħa ta’ Mejju ħa nkunu qegħdin naraw Malta tiġi rrapreżentata bid-diska tagħna u l-unur u responsabbiltà tagħha ilna nġorruha. Għada ħa tkun l-importantissima li nitilgħu fuq l-istage u kemm jista’ jkun kollox jingħaqad.”
Huma spjegaw ukoll li din l-esperjenza qed tittieħed b’serjetà kbira filwaqt li jinsabu grati għall-opportunità li tahom il-poplu sabiex jirrapreżentaw lil pajjiżna.
Hawn il-grupp żied jgħid li, “Dan il-mument nieħduh biex ngħidu grazzi lill-poplu Malti tagħna din l-opportunità u talli għażel lillna biex nirrapreżentaw il-pajjiż. Qed neħduha bis-serjeta ħafna u grat immens tal-opportunità, grazzi.”
Huma sostnew ukoll l-importanza tal-opportunità li għandhom quddiemhom fil-kompetizzjoni tal-Eurovision, li minnha nfisha tipprovdi fost waħda mill-akbar pjattaformi fix-xena tal-mużika.
“Hija ħolma li qed issir realtà. Jiena bħalissa il-fatt li ħa jkollna l-opportunità li ħa ndoqqu barra minn Malta, fuq stage kbir, ovvjament il-Eurovision, huwa wieħed mill-ikbar platforms li hawn, fid-dinja mużikali”, żiedu jgħidu l-grupp mużikali.
One News jawgura suċċess lil kontingent Malti fl-Ingilterra. Awguri The Busker, Awguri Dance (Our Own Party), Awguri Malta.