B’inizjattiva bejn l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni u tliet operaturi tat-telefonija – Go, Melita u Vodafone – tnieda GetSmarter.
Dan huwa programm ta’ taħriġ bil-għan li jgħin lill-persuni jagħmlu l-aqwa użu tal-ismartphone tagħhom.
It-taħriġ se jiġi offrut b’xejn u se jgħin lill-persuni jagħrfu modi diversi kif jagħmlu kuntatt ma’ persuni oħra, jidħlu fuq l-internet minn fuq l-ismartphone tagħhom, u jingħataw idea tajba ta’ elementi oħra, dan hekk kif f’Malta hawn 22% li ma jagħmlux użu mill-internet.
Dawk li japplikaw għal dan it-taħriġ se jattendu żewġ sessjonijiet ta’ sagħtejn kull waħda. Taħriġ li se jkun maqsum skont l-operatur tas-servizz tal-mowbajl tagħhom.
Dawn is-sessjonijiet ta’ taħriġ huma miftuħa bla ħlas għal kulħadd, u se jkunu offruti kemm filgħodu kif ukoll filgħaxija.
Kull min jixtieq japplika jista’ billi jidhol mca.org.mt/getsmarter jew iċempel fuq 21255495.