Waqt li l-Istati Uniti u r-Russja qed jiltaqgħu f’Riyadh, fl-Arabja Sawdija, biex jiddiskutu l-possibbiltà li tintemm il-Gwerra fl-Ukrajna, tqajjem tħassib serju kif l-Unjoni Ewropea tħalliet kompletament barra, waqt li l-President Ukren Volodymyr Zelenskyy iddikjara li pajjiżu mhux lest jaċċetta ftehimiet ta’ paċi mingħajr ma jkun involut.
Dawn huma l-ewwel diskussjonijiet wiċċ imb’wiċċ għall-paċi mindu r-Russja invadiet l-Ukrajna fl-aħħar ta’ Frar ta’ tliet snin ilu.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja, Sergei Lavrov, qed jiltaqa’ mas-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio, iżda la l-Ukrajna u l-ebda pajjiż ieħor Ewropew ma kienu mistiedna għal dawn it-taħditiet.
L-Istati Uniti qalet li l-laqgħa hi l-ewwel pass biex jaraw jekk ir-Russja hix serja fid-dikjarazzjonijiet tagħha li tixtieq ittemm il-gwerra, filwaqt li r-Russja qalet li l-għan tagħhom hu li jinnormalizzaw ir-relazzjoni mal-Amerka.
Minkejja dan, il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy qal li ma kien se jirrikonoxxi l-ebda ftehim li jintlaħaq mingħajr l-involviment tiegħu. Mexxejja Ewropej ukoll jixtiequ jkunu involuti, hekk kif ilbieraħ saret laqgħa ta’ emerġenza f’Pariġi fejn il-Prim Ministru Pollakk, Donald Tusk, sostna li m’għandha tittieħed l-ebda deċiżjoni mingħajrhom.
Sadanittant, il-Prim Ministru Ingliż, Sir Keir Starmer, iddikjara li kien lest li jikkunsidra jibgħat truppi mir-Renju Unit fl-Ukrajna, fl-eventwalità li jkun hemm ftehim ta’ paċi dejjiemi, iżda pajjiżi oħrajn naqsu milli jingħaqdu miegħu.
Sadanittant, fl-istess ħin, il-mibgħut speċjali Amerikan dwar l-Ukrajna, Keith Kellogg, wasal fi Brussell għal taħditiet mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.
Aktar tard mistenni jiltaqa’ mal-President tal-Kunsill Ewropew Antonio Costa, qabel jivvjaġġa lejn il-Polonja biex jiltaqa’ mal-President Andrzej Duda.