Dalgħodu fuq is-sit influwenti Politico ġie rrapportat tħassib kbir fost ċittadini Ewropej, li se jkollhom jagħmlu tajjeb minn buthom għal xiri ta armamenti wara li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen ħabbret li l-Unjoni Ewropea għandha tonfoq €800 biljun għal dan il-għan.
Fuq deċiżjoni tal-Prim Ministru Malti Robert Abela, il-Maltin mhux se joħorġu ċenteżmu li hu wieħed. Malta lanqas se tissellef u lanqas tinvesti xi flus biex tixtri armamenti tal-qerda.
Fil-fatt, fl-aħħar Kunsill Ewropew il-ġimgħa l-oħra, Malta ġabet konklużjoni importanti li tissalvagwardja l-interessi tagħha fil-Kostituzzjoni, dawk tan-newtralità.
Sadanittant fuq Politico ngħad kif hemm dilemmi kbar għal mexxejja oħrajn Ewropej, li jridu jonfqu fuq l-armamenti għas-spejjeż li ma jinvestux f’oqsma li minnhom igawdu n-nies, bħall-edukazzjoni, is-saħħa u s-soċjal.
Il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li mhux se jżid taxxi fuq il-poplu, iżda l-Oppożizzjoni Franċiża qajmet dubji minn fejn, allura, il-pajjiż jista’ jġib il-flus biex isostni tali nefqa fl-armamenti.