Waqt li l-istituzzjonijiet Ewropej se jibdew jinnegozjaw il-baġit għas-sena d-dieħla, qed jitqajjem tħassib serju dwar il-proposta għal tqaċċit fil-finanzjament tal-programmi tal-Erasmus, li taffettwa l-istati membri kollha, inkluża Malta.
Attwalment mal-miljun student Ewropew għaddejjin bil-programm tal-Erasmus+, li jinvolvi bdil ta’ studenti fil-pajjiżi membri. Mit-tnedija tal-programm fl-1987, miljuni kbar gawdew minn din l-esperjenza f’ċentri edukattivi Ewropej, imma dan kollu jista’ jinbidel fiż-żmien li ġej.
Membri Parlamentari fuq il-kumitat tal-baġit Ewropew qed jopponu l-proposti li jitnaqqsu l-fondi minn programmi bħall-Erasmus u, it-Tnejn filgħaxija fi Strasburgu, saħansitra rrakkomandaw żidiet f’dan ir-rigward.
Anke jekk il-miżura ta’ tnaqqis għadha mhux ratifikata, din is-sena diġà kien hemm mal-400,000 student inqas fl-Erasmus imqabbel mas-sena l-oħra, l-ewwel tnaqqis wara l-pandemija.