Il-Militar Iżraeljan qal li l-forzi speċjali tiegħu għadhom fuq ġewwa tal-isptar Nasser f’Gaza, fejn għaddejja operazzjoni kontra l-Hamas.
Iżrael beda b’dik li ddeskriva bħala ‘missjoni preċiża u limitata’ f’dan l-isptar il-Ħamis, u l-militar qal li rnexxielu jaqbad għexieren ta’ suspettati.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qalet li hemm bżonn urġenti ta’ fjuwil fil-faċilità, biex tassigura l-kontinwazzjoni tas-servizzi li jsalvaw il-ħajjiet.
Qed ikun irrappurtat li mill-inqas ħames persuni mietu fl-isptar, li jinsab fil-belt ta’ Khan Younis, wara li waqfu jaħdmu l-ġeneraturi tal-elettriku u ma setax jingħata ossiġnu.
Nasser huwa wieħed mill-ftit sptarijiet f’Gaza li għadhom qed joperaw, fi sfond ta’ ġlied li kull ma jmur qed jintensifika.