L-Aġenzija Infrastruttura Malta għaddejja b’ħidma ta’ tħammil f’diversi żoni fil-Port il-Kbir. Dan b’investiment ta’ €7 miljun li ser jara tindif fejn hemm faċilitajiet għall-irmiġġ u anke tneħħija ta’ materjal ikkontaminat mill-qiegħ tal-baħar.
Tkellimna mal-Kap tat-Taqsima Marittima, il-Perit Janice Borg, li spjegat dwar il-benefiċċji ta’ dan il-proċess: “Hemm żewġ skopijiet bażikament, waħda hija li nżidu l-pixka f’ċertu żoni biex ċertu vapuri ta’ portata pjuttost kbira jkunu jistgħu jimmanuvraw f’dawn iż-żoni partikolari kif ukoll fl-istess ħin ħa nkunu qegħdin innaddfu partijiet fil-port li huma kienu jintużaw għal mijiet ta’ snin li fihom kien jinġabar anke materjal ikkontaminat.”
Hija spjegat kif it-tħammil fil-Port il-Kbir se jwitti t-triq ukoll għal proġett ieħor ta’ €65 miljun li se jsir minn Infrastruttura Malta biex jinbena moll ġdid ta’ 360 metru għall-immaniġġjar tal-merkanzija fiż-żona ta’ Ras Ħanżir. Din il-faċilità ġdida se tintroduċi spazju ta’ rmiġġ addizzjonali tant meħtieġ fil-Port il-Kbir li ser itejjeb l-effiċjenza fil-port filwaqt li tipprovdi lill-awtoritajiet marittimi lokali b’aktar flessibilità u disponibbiltà fl-użu tal-mollijiet l-oħrajn fl-istess żona.
Borg spjegat kif il-proċess ta’ tħammil fil-Port il-Kbir mistenni jieħu madwar sena biex jitlesta. Fix-xhur li ġejjin mistenni jibda wkoll il-proġett biex jitkabbru l-mollijiet għall-vapuri tal-passiġġieri fix-Xatt ta’ Pinto. Bit-tkabbir ta’ dawn il-mollijiet, vapuri kbar ikunu jistgħu jorbtu fil-port mingħajr il-ħtieġa tal-braken.
Borg spjegat kif filwaqt li materjal ikkontaminat qed jintrema f’impjanti barra minn Malta, materjal ieħor jerġa’ jsib ruħu fil-baħar: “Hawnhekk qiegħdin aħna fuq il-moll dak li huwa magħruf tad-Deepwater Key. Qed intellgħu materjal li m’huwiex kontaminat għaldaqstant qed jitpoġġa fuq barkun u l-barkun ladarba jimtela’ jkun jista’ jintrema fil=baħar f’żoni li jkunu altapposta għal dan il-għan.”
Hija mmarkat ukoll kif għaddej ukoll ix-xogħol fuq il-Grand Harbour Clean Air Project li jinkludi l-iżvilupp ta’ tagħmir biex il-vapuri jkunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom u minflok iqabbdu sistema għall-provvista tal-elettriku li ser tkun max-xatt. Dan l-investiment ta’ kważi €50 miljun se jnaqqas b’aktar minn 90% t-tniġġis tal-arja mill-vapuri tal-passiġġieri u tal-merkanzija fil-Port il-Kbir.