Hekk kif illum se jkun qed jittella’ l-kunċert tant mistenni ta’ kull sena, l-Isle of MTV, il-grupp mużikali OneRepublic saħqu f’kummenti mal-midja dwar kif id-dinja mużikali tal-lum hi ferm differenti minn dik ta’ meta bdew huma.
F’messaġġ indirizzat liż-żgħażagħ, OneRepublic, qalu kif ħadd m’għandu jħalli l-midja soċjali ġġiegħlu jaħseb li mhux jirnexxi fil-ħajja, anżi wieħed għandu jieħu gost meta ma jirnexxilux sabiex jitgħallem minn dik l-esperjenza u jkompli jibni fuqha.
OneRepublic tkellmu wkoll dwar kif jinsabu ħerqana biex illejla jagħtu prestazzjoni mill-aqwa b’kanzuetti minn tagħhom li ħarġu tul il-karriera tagħhom kemm dawk passati iżda anke ġodda.
Irrakkontaw ukoll dwar l-ewwel darba li kienu ġew Malta, wkoll għall-Isle of MTV, fejn il-kantant tal-grupp qal kif dik is-sena kull ma jiftakar hu li kien xorob ħafna għax l-artist Enrique Iglesias beda jġiblu tazza wara oħra ta’ xorb alkoħoliku.
Spjegaw kif din hija is-sitt ġimgħa tagħhom fuq tour madwar id-dinja u kif meta jħarsu lejn il-mużika llum il-ġurnata, is-suċċess hu ferm differenti minn dak ta’ meta bdew. Dan hekk kif il-mużika tal-lum qisha biljett tal-lotterija fejn minkejja li jaf tkun l-aqwa kanzunetta fid-dinja, mgħandek l-ebda garanzija jekk hux se tmur tajjeb jew le.