Fuq medda ta’ 21 xahar, bejn Frar 2017 u Ottubru ta’ din is-sena, eluf ta’ pensjonanti ħadu lura €23 miljun f’arretrati. Dan fi proċess ta’ reviżjoni li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali beda jagħmel is-sena li għaddiet wara snin twal ta’ staġnar.
Dawn il-flejjes kbar li qed jispiċċaw fi bwiet in-nies imorru lil hinn miż-żidiet fil-pensjoni li issa l-pensjonanti draw jieħdu ta’ kull sena. Huwa l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali li jitlob li l-pensjonijiet tal-irtirar għandhom ikunu riveduti ta’ kull sena biex jirriflettu l-pagi kurrenti talpost tax-xogħol li l-pensjonant ikun ħadem fih qabel irtira. Biex nagħtu eżempju sempliċi jekk individwu kien skrivan fis-settur pubbliku, illum il-pensjoni tiegħu trid tirrifletti l-paga li xi ħadd fl-istess grad li kellu, għandu llum.
Rapport li deher fil-gazzetta Kullħadd ifakkar kif għal bosta snin dawn ir-reviżjonijiet kienu ffriżati primarjament minħabba nuqqas ta’ fondi u riżorsi umani. Biex il-pensjonanti mhux talli ma ħadux żidiet lil hinn mill-ogħli tal-ħajja, iżda lanqas kienu qed jieħdu dak dovut lilhom bil-liġi. Dan kien qed isir għax pajjiżna kellu defiċit fil-finanzi tiegħu u allura gvernijiet Nazzjonalisti ma kinux lesti jroddu dawn il-flus lil min kien ħaqqu. Il-prijorità kienet li jippruvaw inaqqsu l-piż minn fuq il-kotba tal-Gvern.
B’kuntrast, il-Gvern preżenti għażel li jindirizza din il-problema u fl-2016 beda eżerċizzju biex jirranġa dawn l-inġustizzji. Kelliema għall-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali spjegat li dan hu proċess ta’ ħames snin li se jkun qiegħed jirregolarizza s-sitwazzjoni tal-pensjonanti kollha fejn dan ikun dovut. Għaliex fost oħrajn l-analiżi tinvolvi mhux biss reviżjoni ta’ ftehimiet kollettivi fis-settur pubbliku iżda anke fis-settur privat. Kien hemm 39 kollettiv li sa issa kienu analizzati. L-istess kelliema spjegat li sa issa kien hemm 54,000 każ rivedut fejn it-tali reviżjonijiet kellhom imorru lura saħansitra f’ċerti każi sa żewġ deċennji. F’każi oħra l-bidla kellha tmur lura sena, sentejn jew tlieta.
Mitlub jikkummenta dwar id-deċiżjoni politika li dawn il-każi jkunu indirizzati, il-Ministru Michael Falzon tenna li Gvern Laburista dejjem ħadem sabiex dawn l-inġustizzji u oħrajn ikunu indirizzati hekk kif qed jiġri f’dawn il-każijiet. Il-Ministru Falzon qal li apparti l-obbligu legali hemm ukoll l-obbligu morali u għalhekk il-Gvern beda b’dan l-eżerċizzju fl-2016 biex illum eluf ta’ pensjonanti qed jieħdu dak li ħaqqhom u bi dritt.
“Huwa dmir tagħna li nkomplu nsaħħu l-pensjonijiet fiż-żmien li ġej filwaqt li nkomplu naħdmu biex intaffu l-piżijiet minn fuq l-anzjani tagħna,” qal il-Ministru Falzon.