Il-kantanta famuża mondjali Selena Gomez, li għadha kif iċċelebrat għeluq sninha, bħalissa tinsab fuq fomm bosta. Dan hekk kif propju ftit tal-jiem ilu nediet il-vidjow mużikali tal-kanzunetta li qed tissejjaħ bħala waħda senswali, ‘Fetish’. Iżda minkejja li l-imħabba lejn l-artista ma naqsitx, ċertu xeni fil-vidjow il-ġdid ħolqu dibattitu sħiħ.
Dan minħabba li f’ċertu xeni l-artista tidher qed tiekol sapuna, iċċallas lipstick ma’ snienha, u aktar xeni li bosta segwaċi sostnew li kienu ‘xokkanti’ x’ħin rawhom.
Iżda xi ħaġa li bosta ma jafux hu li l-messaġġ ewlieni wara din il-kanzunetta hu l-problema tal-vizzji. Fil-waqt li ma hux speċifikat xinhu l-vizzju li hi riedet titkellem dwaru, is-saħħa mentali hi s-suġġett li din il-kanzunetta hi bbażata fuqu.
Filfatt meta wieħed janalizza l-lirika, Selena titkellem dwar kif hi għandha relazzjoni ma’ persuni li minkejja hi tipprova twaqqaf din ir-relazzjoni, dan il-persuna jkompli jirritorna.
Xeni fil-vidjow juru kif hi tibda b’tibdila nadifa u b’xagħar perfett iżda aktar ma jgħaddi ħin, hi titħammeġ u qisha tibda turi kif mhix f’saħħa mentali tajba. Dan hekk kif l-messaġġ wara dawn ix-xeni hu dwar kif meta wieħed ma jkollux relazzjoni tajba ma’ dak li jkun, jew anke minħabba nuqqas ta’ stabbiltà f’ħajtu – din ir-relazzjoni taf tkun waħda li tħalli effett ħażin fuq is-saħħa mentali tiegħu anke jekk wara li jwaqqafha kemm-il darba jerġa’ jirritorna għal din l-għażla għax jaħseb li hu aħjar biha.
Iżda dan il-vidjow juri kif il-vizzju li wieħed jagħżel li jibqa’ f’relazzjoni li ma tagħmillux ġid mhix l-għażla t-tajba.
Għalkemm forsi l-vidjow mhux wieħed faċli li wieħed isegwi u jifhem, l-artista ħadet din id-deċiżjoni biex tagħti togħma tad-difikultajiet li bosta jgħaddu minnhom meta jgħixu esperjenzi simili. Dan speċjalment meta wieħed iqis kif l-istess artista għandha l-kundizzjoni tal-Lupus u anke kienet ħadet pawżi fil-karriera tagħha biex terġa’ ssib lilha nfisha hekk kif kienet għaddejja minn żmien diffiċli minħabba l-ansjeta u anke d-dippressjoni.