Il-preżentatur ta’ radju 101 David Thake qal li jekk fit-tellieqa għal Kap tal-Partit Nazzjonalista se jkun hemm d-Deputat Nazzjonalista Chris Said u l-avukat, magħruf fiċ- ċrieki tal-PN, Adrian Delia biss hu se jkun qed jikkontesta għal din il-kariga.
Thake qal dan mal-gazzetta The Malta Independent fejn qal li jekk Said u Delia jkunu l-unika għażla għal Kap tal-Partit Nazzjonalista “li ma jtuniex biżejjed kunfidenza li se jkunu qed iġibu bidla” hu se jkun qed jikkontesta għaliex jemmen li għandu l-kredenzjali biex jagħmel il-bidla “meħtieġa” fil-Partit Nazzjonalista.
Id-DJ ta’ radju 101, poġġa fuq il-paġna tiegħu ukoll il-mistoqsija jekk għandux jikkontesta għal din il-kariga. Hu qal li għamel dan mhux biex jikkonvinċuh in-nies imma biex juri l-istil ta’ tmexxija li għandu bżonn il-Partit Nazzjonalista, dik li jagħti każ l-opinjoni tan-nies.
Thake qal li huwa kkunsidra din il-kariga biss, għax jemmen li ż-żewġ persuni li ddikjaraw li se jkunu qed jikkontestaw għal din il-kariga m’humiex l-għażla t-tajba għal Kap tal-PN.
“Jiena l-aħjar għażla minn dawk li se jikkontestaw,” hekk temm jgħid Thake.
Għalhekk, jidher li l-għażla tat-tesserati Nazzjonalisti se tvarja minn l-avukat, magħruf fiċ- ċrieki tal-PN, Adrian Delia u d-Deputat Għawdxi Chris Said u d-DJ David Thake.