David Thake ssospenda lilu nnifsu b’mod temporanju minn Deputat Nazzjonalista wara li l-gazzetta Maltatoday żvelat storja oħra fuq ta’ ksur ta’ regoli u ħlas pendenti ta’ taxxa dovuta lill-Istat.
Fi stqarrija ntqal li Thake ssospenda lilu nnifsu minn membru tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista iżda ngħad ċar u tond li Thake mhux se jirriżenja minn Membru Parlamentari.
Thake kien qal li mar għand il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler.
David Thake huwa wieħed mid-deputati li ħadmu biex jitqaċċat Adrian Delia u floku jitla’ Bernard Grech, li bħal Thake, fuq medda twila ta’ snin ma ħallasx it-taxxa.
Lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet it-Times ħarġet storja li l-kumpanija Vanilla Telecoms, li Thake huwa l-unika shareholder fuqha, għandha aktar minn kwart ta’ miljun ewro f’VAT dovuta.
Dan ifisser li fuq il-każ biss ta’ Vanilla Telecoms, Thake ma ħallasx VAT fuq madwar miljun u nofs ewro dħul u fuq medda twila ta’ żmien.
Imbagħad illum, il-gazzetta Maltatoday irrappurtat li David Thake għandu kumpanija oħra, li wkoll huwa shareholder waħdu fuqha, li għandha iżjed min-nofs miljun ewro f’VAT dovuta lill-Istat.
Dan ifisser li b’dak żvelat issa, Thake għandu mat-€820,000 VAT dovuta, liema ammont li ma ħallasx, imur lura s-snin.
Sa ftit tas-sigħat ilu, il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li għandu fiduċja f’Thake u li qallu David Thake, huwa aċċettabbli.