Il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne ċaħad kategorikament l-allegazzjonijiet li llum għamel fuq programm tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, il-kandidat Nazzjonalista David Thake. Fil-fatt ir-relazzjoni li għandu l-Ministru mas-CEO tal-FMS Carmen Ciantar, hija relazzjoni fuq bażi professjonali.
Stqarrija maħruġa mill-Ministeru tas-saħħa spjegat li b’dak li qed jallega s-Sur Thake qiegħed juri kemm għandu stima baxxa tan-nisa meta qiegħed jassumi illi sabiex mara tilħaq f’pożizzjoni għolja trid bilfors ikollha relazzjoni mhux professjonali.
Ta’ min jinnota illi s-salarju finanzjarju tas-Sinjura Ciantar huwa l-istess salarju li kellu s-CEO tal-FMS ta’ qabilha u huwa wkoll l-istess salarju li s-Sinjura Ciantar kellha fil-kariga preċedenti, dik ta’ CEO tal-ARMS.
“Jidher li meta ma sabitx aktar f’hiex tattakka fuq id-dekasteru li jmexxi l-Ministru Fearne, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għaddiet għal attakki personali mhux veri fuq il-Ministru. Dan hu ta’ għajb għall-Partit li jisħaq li hu l-palladin tad-demokrazija u li jemmen fil-verita’,” temmet tgħid l-istqarrija.