David Thake kkonferma l-istorja żvelata minn ONE News li se jkun qed jirriżenja mill-Parlament.
F’facebook live, li Thake jħobb jagħmel ħafna minnhom, quddiem rapporti ta’ ksur ta’ regoli u ħlas pendenti ta’ qrib il-miljun ewro f’VAT dovuta lill-Istat, Thake sostna li huwa mhu ħati ta’ xejn.
Saħaq li huwa ħati biss ta’ żball amministrattiv ta’ filing t’accounts fil-ħin.
Il-Maltatoday qalet li fuq kumpanija minnhom, li hu shareholder waħdu fuqha, ma daħħalx ir-returns tat-taxxa għall-għaxar snin sħaħ.
Meta ONE News żvela dak li issa Thake kkonferma, intqal li sorsi mid-Dar Ċentrali qalu li lbieraħ saru laqgħat bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech u David Thake, bil-għan li jkun hemm soluzzjoni ċara ta’ kif tkun evitata r-riżenja.
Quddiem l-aħbarijiet skandalużi fl-aħħar ġimgħat Bernard Grech dejjem aċċetta l-pożizzjoni ta’ Thake u kien lest jakkomodah billi sostna li kien kuntent bis-sospensjoni li ħabbar sa issa.
Sospensjoni li l-Partit Laburista kien iddeskriva bħala finta.
L-iżvilupp ta’ Thake ġie wara li fl-aħħar 24 siegħa kien hemm pressjoni ma taqta’ xejn u Thake kellu jċedi anke jekk għandu l-appoġġ tal-Kap.
Fost oħrajn nies qrib l-eks Kap Adrian Delia sabtu saqajhom internament u qalu li wara l-mod kif kien stmat iż-żiemel tagħhom, l-inqas li jippretendu hu li Thake jwarrab.
Tal-fazzjoni Delia sostnew li jekk ma jiġrix hekk, kien se jkun hemm il-konsegwenzi.
Hekk kif issa għaddiet tal-fazzjoni Delia, bis-saħħa ta’ Thake ngħatat daqqa oħra lil Bernard Grech, li wkoll għamel snin ma jħallasx flejjes kbar f’taxxa dovuta qabel daħal fil-politika u nkixef mill-mezzi tax-xandir.
Jirriżulta li internament dan il-każ reġa’ qajjem ferment u David Thake ftit li xejn kien baqalu għażla għax inkella hemm min fil-Partit Nazzjonalista, li se jkompli jżid il-pressjoni fuqu.