Dikjarazzjoni li għamel il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia li l-konversazzjoni li kellu ma’ Yorgen Fenech m’għadiex tidher għax il-profil ta’ Fenech fuq il-whatsapp tħassar wara li dan ġie arrestat, malajr kienet imgiddba mid-deputat Nazzjonalista tiegħu stess David Thake.
Meta mistoqsi fuq l-RTK minn Fr Joe Borg dwar il-messaġġi li wasslu sabiex id-deputati Nazzjonalisti jisfiduċjawh, Delia qal li l-konvserazzjoni fuq whatsapp bejnu u Fenech tħassret.
Delia stqarr: “Ma jitlalekx il-whatsapp profile ta’ Yorgen Fenech. Kelli, għalhekk qed ngħidlek xi ħadd ħassru.”
Iżda kienet għadha lanqas biss spiċċat l-intervista ta’ Delia meta Thake fuq il-facebook tiegħu malajr ħareġ screenshots ta’ konversazzjoni li kellu hu ma’ Yorgen Fenech f’Ġunju tas-sena l-oħra.
L-iscreenshot, li tidher li ttieħdet fil-jum tas-Sibt, wasslet biex Thake jakkuża wkoll lill-Kap Nazzjonalista li gideb.
Thake qal lil Delia li lilu ma sparrixxihielux il-messaġġ minn fuq il-mobile għax ma ħassrux u m’għandux x’jaħbi.
F’din il-konversazzjoni Yorgen Fenech jidher jeħodha ma’ Thake meta dan tal-aħħar kien għamel l-allegazzjoni li Fenech offra eluf ta’ ewro lill-Partit Nazzjonalista biex l-ewroparlamentari David Casa ma jiġix elett fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Thake kien qal: “Kemm kien l-ammont li offra Yorgen Fenech lill-PN biex David Casa ma jiġix elett? Jien infurmat li offra €50,000.”
Dwar din l-allegazzjoni eventwalment kienet inħatret inkjesta maġisterjali.
B’din l-aħħar botta u risposta bejn il-Kap Nazzjonalista u d-deputat Nazzjonalista David Thake tkompli tħarrex il-gwerra fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.