Il-Ħamis filgħaxija, wara li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia tilef it-tielet vot ta’ fiduċja, din id-darba fl-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, l-attakki u l-pressjoni fuq il-Kap biex iwarrab baqgħet ma qatgħet xejn.
Dan speċjalment f’attakki mill-fazzjoni tal-eks kap Simon Busttil u s-sbatax-il eroj blu li qatt ma riduh fit-tmun tal-Partit.
Id-Deputat Nazzjonalista David Thake, wieħed mill-esponenti ewlenin ta’ din il-fazzjoni baqa’ fuq quddiem ta’ din il-pressjoni f’attakk wara ieħor fuq il-profil tiegħu fuq Facebook.
Thake baqa’ jsostni li Adrian Delia tilef il-kredibbiltà.
“Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista llum tilef il-kredibbiltà.” Qal Thake.
Huwa kompla jiġġustifika l-azzjonijiet tiegħu u tad-deputati sħabu li sfiduċjaw lil Delia.
Thake kompla jgħid, “Adrian Delia ma rnexxielux jgħaqqad il-Partit.”
F’messaġġ ta’ aktar minn disa’ minuti Thake kompla bl-attakk sfrenat kontra l-Kap ta’ partit maqsum.
“Jekk in-nies qed jgħidulek twarrab ma tistax tibqa’ hemm.” Stqarr Thake.
Sostna wkoll li r-reazzjoni ta’ Adrian Delia għall-aħħar tliet voti ta’ sfiduċja huma tentattiv mill-Kap innifsu sabiex ibaxxi s-sinifikat ta’ dawn il-voti.
“Jiena nara r-reazzjoni ta’ Adrian Delia, naħseb li hija reazzjoni kompletament ħazina u żbaljata meta Adrian Delia jipprova jbaxxi s-sinifikat u x’ifisser dawn iż-żewġ votazzjonijiet.” Qal Thake.
Thake pponta biex jitwarrab il-Kap u jibda proċess t’għażla ta’ Kap ġdid.
“Juru l-urġenza li għandu l-Partit sabiex jbda minnufih proċess li għandu jwassal għal għażla ta’ mexxej ġdid għall-Partit Nazzjonalista.” Kompla jgħid Thake.
Id-deputat Nazzjonalista żied jgħid li b’dak li qed tagħmel, il-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil, li issa tinsab wara Therese Comodini Cachia, mhux qed tmur kontra il-vot tat-tesserati.
“Ħadd ma qed imur kontra l-vot tat-tesserati.” Temm jgħid Thake.