Id-Deputat Nazzjonalista David Thake wasal għal ftehim mad-Dipartiment tat-Taxxa biex iħallas il-pendenzi li għandu ma’ tal-VAT wara li nkixef li żamm f’butu aktar minn kwart ta’ miljun ewro f’VAT dovuta lill-Istat.
Il-ġimgħa l-oħra t-Times żvelat li Vanilla Telecoms, kumpanija tat-telekomunikazzjoni li tagħha Thake huwa shareholder waħdu, ma ħallsitx ħlasijiet relatati ma’ VAT u li jmorru lura għal numru ta’ snin li jammontaw għal mitejn elf tlieta u tletin ħames mija u ħmistax-il ewro.
B’kollox b’interessi u ħlasijiet f’penali Thake żamm f’butu ftit aktar minn mitejn u sebgħin elf ewro.
B’hekk permezz ta’ din l-aħbar, David Thake jingħaqad ma wċuħ prominenti oħrajn mill-Partit Nazzjonalista fosthom il-Kap innifsu Bernard Grech u wieħed mill-ewlenin li poġġieh hemm Jason Azzopardi.
Bernard Grech kien investigat minn istituzzjoni ta’ kontra l-frodi fit-taxxa wara li nstabu numru ta’ irregolaritajiet u ġie ordnat jħallas sbatax-il elf ewro f’pendenzi ma’ tal-VAT. Dan filwaqt li l-Kap stess kien ħallas mat-tletin elf ewro fi ħlasijiet f’taxxa pendenti li tmur lura snin twal.
Huwa kien għamel dan wara li kien wera l-interess tiegħu li jikkontesta għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Minn naħa l-oħra Jason Azzopardi, l-ewlieni tar-ribelli magħrufin bħala l-Blue Heroes, ukoll kellu l-problemi fiskali tiegħu.
Fil-fatt, Jason Azzopardi kellu nuqqasijiet u saħansitra kontradizzjonijiet kbar fid-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tiegħu.
Għalkemm Jason Azzopardi huwa Avukat mqabbad sew huwa kien iddikjara li mill-professjoni tiegħu huwa ma kien daħħal xejn.
Wara li dan ġie żvelat huwa kien mar jiġri jbiddel din id-dikjarazzjoni u ddikjara li qala’ xi ħaġa mill-professjoni legali tiegħu.
B’hekk huwa ammetta li qabel, għall-2019, ma ddikjarax sew dak li fil-fatt qala’.
Quddiem dan kollu l-Partit Nazzjonalista kellu idu marbuta bil-kwistjoni ta’ David Thake u baqa’ jiddefendih.
Dan deher biċ-ċar f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista l-Erbgħa waranofsinhar. Quddiem il-mistoqsija ta’ ONE News fejn irrefera għall-aġir tal-Partit Nazzjonalista għal Thake, minħabba li idu marbuta bin-nuqqasijiet fiskali tal-Kap u Jason Azzopardi, il-President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista Joseph Grech qal hekk.
Qal, “Fejn inti semmejt il-Kap tal-Partit fejn huwa kemm il-darba spjega minkejja n-narrattiva tagħkom is-sitwazzjoni tat-taxxa tiegħu.”
Grech ma naqasx li jsellem lil David Thake.
Qal, “Naħseb li David Thake li nsellimlu minn hawnekk diġà spjega fiċ-ċar x’inhi s-sitwazzjoni tiegħu.”