Il-Belvedere taż-Żurrieq għadda minn proċess ta’ tisbiħ u tħaddir hekk kif proġett ta’ Parks Malta ra t-tħawwil ta’ aktar pjanti fi Triq Wied iż-Żurrieq.
Il-pjanti mħawla huma għażla li tikkumplimenta l-ekosistema tal-inħawi u l-ambjent sabiħ li toffri din iż-żona.
Fost dawn hemm il-pjanti tat-tip Carisma Macrocarpa li għandha l-abbilità li taddatta sewwa għar-riħ li jolqot lil din iż-żona u l-baħar li jinsab fil-viċin.
Id-Direttur ta’ Parks Malta Adrian Attard spjega kif dan il-proġett huwa investiment dirett fil-kwalità tal-ħin rikreattiv li bosta jqattgħu f’dan il-post.
Huwa qal, “Din l-inizjattiva fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta żżewwaq sew l-ambjent naturali ta’ pajjiżna li bosta Maltin ifittxu bħala opportunità ta’ rikreazzjoni fi spazji miftuħa bħal dawn.”
Is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima laqgħet din il-proġett li sar fuq waħda mill-iktar toroq frekwentati fil-lokalità.
Filwaqt li appellat sabiex dawk li jagħmlu użu minn dawn l-akwati jżommu l-indafa, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli saħqet kif dan il-Gvern huwa kommess sabiex ikompli jinvesti għall-benefiċċju tal-poplu Malti u Għawdxi u għall-ġenerazzjonijiet futuri.