B’investiment ta’ mitt elf ewro, ko-finanzjati minn Fondi Ewropej, ir-raħal tal-Imqabba gawda minn tisbiħ b’infrastruttura ħadra fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija.
Din hija triq prinċipali li tgħaqqad lill-Mqabba ma’ rħula oħrajn.
Is-Sindku Omar Farrugia, spjega kif f’din it-triq tħawlu madwar tmenin siġra indiġena u ’l fuq minn ħames mitt arbuxell.
Ġiet installata wkoll sistema ta’ irrigazzjoni u tpoġġew laned fejn jintrema l-iskart biex l-ambjent f’din it-triq, jinżamm fl-istat li jixraqlu.
Qal, “Proġett ta’ infrastruttura ħadra tul il-bypass kollha tal-Imqabba, fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija. Proġett sostenibbli li se jgawdi minnu kulħadd għas-snin li ġejjin.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett huwa wieħed minn għaxra fil-qalba tal-komunitajiet, li gawdew minn Fondi Ewropej.
Qal, “Dan huwa proġett fost sensiela li saru permezz ta’ dan il-programm illi permezz tiegħu lokalitajiet b’mod dirett ibbenefikaw minn dawn il-Fondi Ewropej. Inħares ’il quddiem sabiex proġetti bħal dawn isiru ħafna iżjed minnhom kif ukoll inħares ’il quddiem lejn iktar investiment ta’ fondi Ewropej f’infrastruttura ħadra.”
Saħaq li dawn il-proġetti huma prova ċara ta’ kemm dan il-Gvern qed jinvesti biex jiżgura li ż-żoni urbani jsiru aktar ekoloġiċi u ċ-ċittadin jgħix f’ambjent aħjar.