Permezz ta’ nefqa li ser tlaħħaq l-għaxart’elef ewro ser isir xogħol fuq il-Mitħna tax-Xarolla, fiż-Żurrieq biex tissewwa u terġa’ tiġi fi stat operabbli.
Dan wara li fid-19 ta’ Marzu l-mitħna kienet ġarrbet ħsarat estensivi minħabba maltempata b’riħ qawwi li kienet kissret l-antenni tal-istess mitħna.
Ix-xogħol tħabbar mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzoprdi li spjega kif ix-xogħol ser ikun qed isir mid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi.
Zrinzo Azzopardi tenna kif ix-xogħlijiet diġà ġew ippjanati b’xiri ta’ materjal li diġà sar.
Qalet, “Illum flimkien mas-Sindku taż-Żurrieq ħabbarna xogħlijiet li ser ikunu qegħdin jitwettqu. Xogħlijiet li diġà ġew ippjanati u minn issa ‘l quddiem minn naħa ta’ dan id-dipartiment ser jkunu qed jitwettqu dawn ix-xogħlijiet biex mill-ġdid naraw il-Mitħna tax-Xarolla kif jixraq.”
L-intervent mistenni jinkludi t-twaħħil ta’ sitt antarjoli ġodda ta’ tletin pied kull wieħed flimkien ma’ lanterni ġodda li jżommu l-qlugħ tad-drapp. It-travu ċentrali tal-mitħna u l-ventijiet mistennija li ukoll jinbidlu kollha.
Is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima fakkaret kif dakinhar li l-mitħna kienet ġarrbet il-ħsarat, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq l-impenn tal-Gvern li jgħin fit-tiswijiet.
Grima spjegat kif ix-xogħol saħansitra beda mill-għada tal-maltempata bit-tneħħija tal-injam li seta’ kien ta’ periklu.
Qalet, “Bdejna mill-għada stess, kien ġie d-Direttur tax-Xogħlijiet Pubbliċi, id-Direttur Ġenerali, il-ħaddiema. Ġew tal-Protezzjoni Ċivili biex iniżżlu l-affarijiet kien hawn l-injam. Bqajna sal-bieraħ stess fil-proċess li nneħħu l-injam bil-mod il-mod li ħaduhom fil-garaxx tal-Gvern.”