Tħabbret il-mewt tal-ex plejer u kowċ tal-waterpolo lokali Charles Mock. Huwa kien meqjus bħala wieħed mill-ġganti tal-waterpolo malti, b’karriera twila bħala goalkeepern u kowċ.
Bejn l-1951 u l-1973, Mock kien jilgħab mat-team Balluta Waterpolo Club li llum huwa magħruf bħala San Ġiljan ASC. Matul il-karriera tiegħu ma’ Balluta rebaħ il-kampjonat ħames darbiet.
Wara beda karriera oħra twila bħala kowċ ma’ bosta timijiet, fosthom Ta’ Xbiex, Birżebbuġa, Valletta United, Sirens u San Ġiljan. Bħala kowċ rebaħ il-kampjonat ma’ Valletta Utd fl-1985 u ma’ San Ġiljan fl-1993.
Matul l-aħħar snin, Mock kien kontributur f’diversi ġurnali u stazzjonijiet televiżivi lokali bil-għan li jippromwovi l-isport li tant kien iħobb.
It-team kollu ta’ ONE Sport iwassal il-kondoljanzi lill-familjari tiegħu.