Tħabbret il-mewt tal-ex għawwiem u plejer tal-waterpolo Christopher Dowling fl-eta’ ta’ 78 sena. Dowling kien isem sinonimu fix-xena tal-għawm u l-waterpolo lokali.
Kien irrapreżenta lil Malta fil-logħob olimpiku ta’ Ruma fl-1960 fl-eta’ ta’ 16-il sena biss. Huwa kien ikkompeta fil-100 metru fresstyle u anke kellu l-unur li jkun il-flag bearer għal Malta f’d’dak il-logħob.
Fl-1963 irrapreżenta lil Malta fil-logħob tal-Mediterran li kienu saru f’Napli l-Italja.
Dowling kellu karriera sabiħa wkoll fil-waterpolo fejn qatta’ ħafna snin jilgħab mat-team ta’ Balluta WPC. F’dik l-epoka jibqa’ msemmi għat-tandem mal- plejer Freddie Griscti tant li kienu magħrufa bħala ‘The Terrible Twins’.
Tul il-karriera tiegħu Christopher Dowling kiser diversi rekords fil-100 metru tal-għawm u fil-waterpolo rebaħ ħames darbiet il-kampjonat.
Huwa kien irtira fl-1973 u sena wara sar għalliem.
Christopher Dowling kien ġej minn familja li hija marbuta mal-logħba tal-waterpolo. Missieru kien il-leġġendarju Jimmy Dowling filwaqt li z-ziju tiegħu kien leġġenda ieħor tal-waterpolo, Budgy Dowling.
One News iwassal il-kondoljanzi lill-familja Dowling.