Tħabbret il-mewt tal-ex plejer u champion nazzjonali tal-Bowling Doris Camilleri. Camilleri hija meqjusa bħala leġġenda tal-Bowling lokali hekk kif rebħet kemm il-darba it-titlu ta’ Champion Nazzjonali flimkien ma’ kompetizzjonijiet oħra ewlenin lokali u internazzjonali.
Camilleri kienet rebħet it-titlu ta’ champion nazzjonali ħames snin wara xulxin bejn l-1982 u l- 1986. Imbgħad reġgħet rebħet dan it-titlu fl-1993, 1995 u fl-2003
Fil-Kampjonat tal-Mediterran fl-1999 rebħet il-fidda fid-doubles flimkien ma’ Sue Abela u d-deheb bħala team. Fl-2001 rebħet bronż fis-singles, bronż fid-doubles ma’ Sue Abela u fidda fl- All Events. Fl-2003 rebħet deheb fid-doubles għal darb’oħra ma’ Sue Abela u bronż fit-Team Event.
Ta’ nota li fl-1985 kienet ġiet it-tieni fil-Konkors Sportiva tas-Sena.
Fost dawk li sellmu lil Doris Camilleri kien hemm il-plejer Sue Abela li f’messaġġ fil-paġna personali tagħha fuq facebook fakkret il-memorji sbieħ li għandha tagħha kemm bħala plejer kif ukoll bħala ħabiba .
Il-funeral tagħha se jsir il-Ġimgħa 17 ta’ Novembru fit-8.30 ta’ filgħodu fil-knisja parrokjali ta’ Birżebbuġa.
(Ritratt Fuq: Sue Abela u Doris Camilleri)