Tħabbret il-mewt tal-eks Deputat Mexxej u eks Ministru Laburista, Dr Joe Brincat, fl-età ta’ 81 sena.
Deskritt minn ħafna bħala bniedem skjett u onest fl-analiżi tiegħu, l-Avukat Brincat serva darbtjen bħala Deputat Mexxej għall-Affarjiet tal-Partit Laburista, bejn l-1976 u l-1980 u bejn l-2003 u l-2008.
Maħbub minn ħafna, Brincat serva wkoll bħala Ministru għall-Ġustizzja, l-Artijiet u d-Djar, bejn Lulju tal-1979 u Diċembru tal-1981. Huwa anke serva bħala Viċi President tal-Assemblea tal-Kunsill tal-Ewropa mill-1978, fejn għal ħafna snin kien ir-rappreżentant ta’ Malta.
Dr Brincat, li baqa’ jaħdem fil-professjoni legali tiegħu sa mewtu u anke ta diversi pariri b’xejn lil min talbu l-għajnuna, kien magħruf li jgħidha kif iħossha u ma jiddejjaqx lanqas jikkritika b’mod kostruttiv lill-Partit Laburista nnifsu.
Minbarra kitbiet fil-ġurnal tal-GWU, l-orizzont, taħt it-titlu ‘Bla Ħajta’, hu baqa’ jippreżenta wkoll programm fuq ONE Radio sal-aħħar ta’ ħajtu fejn ittratta diversi temi kurrenti, waqt li jqanqal x’kien jiġri fi żminijiet passati. Bħala intellettwali u espert tal-liġi, kien jesponi regolarment l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista.
Fost ħidmietu fl-aħħar snin, hu kien ukoll fassal abbozz ta’ regolamenti fil-kura tal-annimali, li tant kienu għal qalbu, u mill-2013 baqgħu jintużaw mill-aġenzija governattiva Animal Welfare.
Kienu bosta li bkew it-telfa tal-Avukat Brincat, li ddeskrivewh bħala persuna li dejjem qabeż għaż-żgħir, bħala Soċjalista fi twemminu, tant li sal-aħħar nifs ta’ ħajtu jitkellem b’konvinzjoni fuq dak li jemmen fih.
Fost dawk li sellmu l-memorja ta’ Dr Joe Brincat kien hemm il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela li, permezz tal-midja soċjali, iddeskrivih bħala bniedem li ta kontribut enormi fil-Partit Laburista, fil-Parlament Malti u fi Gvernijiet Laburisti.
Żied jgħid li l-vuċi tiegħu favur it-twettiq tal-ġustizzja u l-prinċipji Soċjalisti sodi kienu jispikkaw fih. Il-Prim Ministru sostna wkoll li fih dejjem ammira l-onestà u t-tenaċità tiegħu fil-professjoni fejn kien avversarju formidabbli fl-awla, imma dejjem leali. Fil-fatt, spjega li dejjem tgħallem mingħandu u miegħu kien jaf fejn qiegħed.
Anke l-Partit Laburista sellem il-memorja ta’ Dr Joe Brincat. Kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Partit Laburista bagħtu l-kondoljanzi sinċieri lill-familja tiegħu.