Tħabbret il-mewt ta’ Nenu Buhagiar “tal-Gżira”. Huwa kien wieħed mill-eqdem veterani tal-Partit laburista u huwa magħruf ma’ bosta Laburisti bħala suldat tal-azzar hekk kif jafu kemm dan ir-raġel ħadem għall-Partit.
Buhagiar kien ukoll serva ġimgħat il-ħabs wara l-istrajk nazzjonali ta’ April 1958. Il-Partit Laburista kien ta rikonoxximent lil dan il-veteran tas-sehem tiegħu tul is-snin li serva fil-Partit Laburista. Qarrejja ta’ one.com.mt, qasmu l-memorji tagħhom ta’ Nenu, u fost l-oħrajn qalulna kif dejjem kien jirrispondi telefonata bil-kliem “Paċi u Sliem.”
Huwa kien jgħix fi Triq Cameron u kien għal snin sħaħ punt ta’ referenza għal Gżirjani biex iħalsu t-tessera u jsiru jafu bl-attivitajiet tal-Partit. L-isem Nenu Buhagiar huwa sinonimu mhux biss mal-Gżirjani iżda tista’ tgħid mal-maġġoranza tal-Laburisti, u storja dwarhu kulħadd għandu x’jirrakonta.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat fuq Twitter esprima d-dieqa tiegħu għall-mewt ta’ din il-veteran Laburista u qal li dan kien raġel ta’ ispirazzjoni għal kulħadd.
Extremely saddened by news of demise of Labour veteran Nenu Buhagiar. He was such an inspiring figure for us all -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) February 25, 2017