Jagħmlu d-differenza biex itejbu l-ħajja ta’ kuljum. Hekk huwa deskritt xogħol il-ħaddiema soċjali li ta’ kuljum jiltaqgħu ma’ numru ta’ persuni ġejjin minn kull tessut tas-soċjetà u li jkunu qed jaffaċċjaw sfida f’ħajjithom.
Fil-jum internazzjonali ddedikat għall-ħaddiema soċjali dan l-istazzjon iltaqa’ ma’ Carly Zarb, ħaddiema soċjali u s-Segretarja Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-ħaddiema soċjali fejn spjegat li b’dedikazzjoni l-ħaddiema soċjali jaħdmu sabiex itejbu ħajjet dawk li jkollhom bżonn l-għajnuna.
Spjegat kif sitwazzjoni partikolari f’xogħolha ħallitilha impatt, tant li se tibqa’ tgħożż għall-ħajjitha kollha. Hija qaltilna li kienet għamlet xhur tgħin familja, fejn il-problema tad-droga kienet se tkisser l-għaqda ta’ bejniethom.
Zarb fissritilna: “Pruvajna nsibu bilanċ, ngħinu lill-familja tasal għall-konklużjoni u tagħżel hi stess x’inhu l-aħjar għall-familja tagħha. Kellna nieħdu deċiżjoni diffiċli li l-individwi kellhom jisseparaw minn ma’ xulxin. Kulħadd kellu fuq xiex jaħdem, però dik id-deċiżjoni kienet għaqlija ħafna għaliex ħareġ il-pożittiv minnha; u għall-grazzja t’Alla mxiet ‘il quddiem u mxejna għal triq pożittiva.”
Intant, bħala ħaddiema soċjali tiltaqa’ ma bosta ġrajjiet, anke f’dan il-perjodu ta’ pandemija, fejn l-għajnuna saret aktar imfittxija minħabba li l-imxija tefgħet iżjed toqol tal-ħajja fuq spallejn uħud.
Zarb qalet, “Bħala social workers ma narawx uċħh, ma narawx il-persuna minn fejn tkun ġejja. Aħna naraw il-valur u l-importanza ta’ dak li jkun. F’sitwazzjoni diffiċli wkoll nippruvaw insibu l-pożittiv u kemm jista’ jkun nagħtu s-sapport lil dak li jkun biex jimxi fi triq aħjar.”