Kroata li kienet tgħix ta’ reġina minn fuq dahar in-nies ġiet ordnata trodd lura tmenin elf ewro. Anika De Vilera li tgħix f’Tas-Sliema għandha sensiela ta’ stejjer fejn numru ta’ kredituri minn madwar id-dinja qed jiġru warajha biex jieħdu flushom.
Fil-Qorti nstema’ li De Vilera għandha salarju ta’ ftit aktar minn elfejn u mitejn ewro u li minnu trid tħallas elf u sitt mitt ewro f’kera. Hija lmentat għaliex minħabba sekwestru li hemm impost fuqha qed tirċievi ftit inqas minn seba’ mitt ewro f’paga. Il-Qorti ma laqgħetx l-ilment tagħha u l-Imħallef kellha kliem iebes fil-konfront tagħha.
L-Imħallef sostniet li ma tistax tiskuża lil De Vilera li għażlet ħajja stravaganti imbagħad ħalliet numru ta’ kredituri jiġru warajha.
Propju dwar din il-mara jeżisti sit elettroniku li jiftaħ għajnejn bosta biex ma jingidmux minn De Vilera.
Fost l-oħrajn hemm stampa ta’ sufan lussuż tal-ġilda li jiswa mal-għaxar t’elef ewro. Dan inxtara mill-Ġermanja sitt xhur ilu u baqa’ ma tħallas mill-Kroata.
Saħansitra De Vilera pruvat tagħti l-impressjoni li hija mara sinjura billi tilgħab ir-roulette u tirkeb fuq ajruplani privati meta filfatt lanqas għandha għaxja ta’ lejla, jżid jgħid is-sit elettroniku.