Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jivvota kontra l-Baġit kif propost għas-sena d-dieħla qabel ma daħal għas-seduta Parlamentari li fiha ttieħdu l-voti relatati fuq l-estimi.
Fil-fatt, b’ton sarkastiku, meta kien mistoqsi mill-ġurnalist ta’ dan l-istazzjon dwar kif se jivvota, il-Kap tal-Oppożizzjoni wieġeb ‘tgħid mhux favur’, hekk kif baqa’ dieħel fil-bini tal-Parlament.
Grech: “F’liema sens kif ħa nivvotaw għall-Baġit?”
Ġurnalist: “Jekk hux favur jew kontra.”
Grech: “Tgħid mhux favur.”
L-aġir ta’ Grech ikkonferma l-politika partiġġjana tiegħu li meta jkun imsejjaħ biex jivvota fuq l-aktar miżuri u inizjattivi soċjali, jagħżel li jdawwar wiċċu n-naħa l-oħra.
Dan l-atteġġjament kien ikkonfermat ukoll bil-voti tal-Oppożizzjoni fil-Parlament li, b’mod kollettiv, ivvotat kontra baġit li, fost l-oħrajn, se jkun qed iħalli mija u erbgħin miljun ewro fil-bwiet tan-nies b’inqas taxxa u jżid ħemel ta’ benefiċċji, bħall-pensjonijiet u ċ-Children’s Allowance.