Virginia Giuffre, li akkużat lill-Jeffrey Epstein b’abbuż sesswali u allegat li hi kienet sfurzata jkollha x’taqsam mad-Duka ta’ York, il-Prinċep Andrew, meta hi kellha 17-il sena, ħeġġet lill-familja Rjali tar-Renju Unit biex tgħid il-verità. Hija qalet lill-media illi l-Prinċep Andrew jaf x’kien għamel. Il-Prinċep ċaħad dawn l-allegazzjonijiet.
Giuffre kienet waħda mill-15-il mara li kellha tixhed dwar l-allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali fil-konfront ta’ Epstein. Iżda, dan il-każ ġie fi tmiemu wara li Epstein temm ħajtu fiċ-ċella tal-ħabs waqt li kien qed jistenna li jgħaddi ġuri b’rabta ma’ dan il-każ. Ix-xhieda espremew rabja wara li semgħu l-aħbar tal-mewt ta’ Epstein, huma qalu li hu qarraq bil-ġustizzja billi temm ħajtu. Minkejja dan l-investigazzjoni xorta se tibqa’ għadejja.