Il-prezz massimu fuq il-gass se jkun fost it-temi ewlienin diskussa fost il-mexxejja Ewropej, hekk kif dawn se jiltaqgħu fil-kapitali tar-Repubblika Ċeka, Praga, matul il-jiem tal-Ħamis u l-Ġimgħa.
Dan intqal mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, waqt li indirizzat is-seduta plenarja fil-Parlament Ewropew, fi Strasburgu.
Fid-diskors tagħha, il-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet li matul il-laqgħa tal-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, hija se tippreżenta pjan dwar capping fuq il-prezz tal-gass.
Għal din il-laqgħa se jkun qed jattendi l-Prim Ministru Malti, Robert Abela.
Malta hija fost 15-il Stat membru tal-Unjoni Ewropea li qed jimbottaw ’il quddiem il-proposta ta’ capping fuq il-prezz tal-gass, bil-għan li l-elettriku li jiġi ġġenerat mill-gass ma jibqax bil-prezzijiet esaġerati li hemm bħalissa.
Fil-Parlament Ewropew, Ursula von der Leyen saħqet li l-Unjoni Ewropea trid issaħħaħ in-negozjati tagħha ma’ sħab sabiex ikun hemm xiri konġunt ta’ gass li jiġġenera l-enerġija.
Matul dan id-diskors fil-Parlament Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet li l-infrastruttura tal-enerġija tinsab fil-mira għall-ewwel darba fl-aħħar snin. Dan intqal anki wara li kien hemm ħruġ ta’ gass minn żewġ pipelines tal-gass li jgħaqqdu r-Russja flimkien mal-Ġermanja.