Mara minn Wied il-Għajn li ġiet akkużata li attakkat u darbet gravi mara oħra qalet li kienet fi stat ta’ ġenn meta seħħ ir-reat.
Fil-Qorti ġie spjegat li binha stess irrappurtaha lill-pulizija wara li allegatament sawtet mara.
Intqal li meta waslu fuq il-post, il-pulizija sabu lill-mara fi stat li wriet li ma kinitx mentalment f’sensiha.
Għaldaqstant, hi ttieħdet l-isptar Monte Karmeli fejn kellha ċ-ċans tirkupra u aktar tard hi ġiet iċċertifikata li kienet fi stat tajjeb biex tiġi interrogata.
Il-mara li għandha 48 sena meta mixlija fl-awla ma weġbitx ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha.
L-avukat tal-għajnuna legali talab lill-Qorti sabiex taħtar esperti biex jistabbilixxu jekk il-mara kinitx fi stat mentali tajjeb meta seħħ ir-reat.
Il-Maġistrat Ian Farrugia qal li l-Qorti ser tkun qed tieħu deċiżjoni f’dan ir-rigward fi stadju aktar tard.
Hu spjega li ma jixtieqx jorbot idejn il-Maġistrat li ser ikun assenjat għal din il-kawża.
Fid-dawl tal-istqarrija li saret, id-Difiża talbet lill-Qorti biex tordna lid-Direttur tal-Ħabs biex jassigura li l-istituzzjoni li fiha ser tkun qed tinżamm l-imputata tieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħha minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħa tagħha.