Tfajla misterjuża li għandha aċċent Brittaniku għadha kif intlemħet iddur it-toroq ta’ Ruma. It-tfajla misterjuża li aktarx bejn it-tlettax u dsatax-il sena, ġibdet l-attenzjoni ta’ bosta Taljani dan minħabba l-manjieri li għandha u kif ukoll minħabba li ma tafx il-lingwa Taljana.
Persuni sostnew li din it-tfajla bl-ebda mod ma tkun trid taċċetta flus bħala donazzjoni u tirrispondi għal kull mistoqsija bl-Ingliż. Kienu diversi li kkummentaw fuq il-midja soċjali fejn qalu li din it-tfajla tixbaħ lil diversi bniet li sparixxew bejn is-sena 2007 u s-sena 2008. Fosthom kien hemm Amda Adlai li nħatfet minn Michigan fl-2008, Maria-Brigitte Henselmann li sparixxiet il-Ġermanjafl-2008 u kif ukoll Madeleine McCann li sparixxiet fl-2007.
Il-Pulizija Taljana qalet li pprovat tidentifika lil din it-tfajla iżda la għandha passaport, la għandha Karta tal-Identità u l-ebda oġġetti personali li għandha isimha fuqhom. Nies tal-lokal irrapportaw li t-tfajla tirrispondi għall-isem “Maria”, iżda l-Pulizija qalu li kien hemm ismijiet oħra li hi qalet li jisimha.
Issa diversi persuni fuq l-internet qed jitolbu l-għajnuna tal-pubbliku ġenerali biex tinstab il-familja ta’ din it-tifla qabel jasal il-Milied. Bosta paġni ddedikati għall-Madeline McCann qasmu din l-aħbar hekk kif kieku llum il-ġurnata Madeline kieku għandha 13-il sena. Kienu diversi persuni li kkummentaw taħt u qalu li “Madeline għandha marka partikolari f’għajnejha li tkun faċli biex wieħed jidentifikaha.”
Din it-tfajla m’għandha ebda affarijiet personali u dejjem tidher liebsa l-istess dublett, ġakketta u żarbun għal dawn l-aħħar ġimgħat. Din l-istorja feġġet waqt il-programm televiżiv Taljan “Chi l’ha Visto”.