Żagħżugħa li ġiet fit-tieni post f’kompetizzjoni marbuta mar-riċetti tal-ħut fissret din il-kompetizzjoni bħala opportunità li kien jiddispjaċiha kieku ma ħaditx sehem fiha.
Keira Privitera kienet fost erbgħa li rċivew premju għall-kompetizzjoni li fiha mal-erbgħa u tletin student tgħallmu iżjed dwar il-prodott Malti permezz anki ta’ riċetti li ħolqu huma stess.
Qalet, “Il-kompetizzjoni kienet opportunità li offrewlna u għidt “Għax ma nipprovahiex?” Hija opportunità sabiħa ħafna speċjalment bil-ħut lokali kollu li hawn u hi xi ħaġa li qatt ma ninsiha għalkemm xorta ma ġejtx l-ewwel, imma ġejt it-tieni u hija esperjenza li se nibqa’ niftakarha għal ħajti kollha”
Waqt il-preżentazzjoni tal-premjiet fir-raħal pittoresk ta’ Wied il-Għajn, il-Ministru għas-Sajd Anton Refalo qal kif din il-kompetizzjoni tirrifletti l-abbundanza u l-kwalità tal-prodott Malti li tinsab fl-ibħra u fl-għelieqi tagħna.
Qal, “Naħseb li l-ħsieb ta’ din il-kompetizzjoni li qed issir l-ewwel darba, hija mportanti għaliex il-messaġġ li aħna bħala Ministeru u bħala dipartiment li rridu nwasslu huwa li wieħed jiekol il-prodott bnin u frisk li huwa l-prodott Malti u Għawdxi.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana sejħet din l-inizzjattiva bħala waħda li teduka lill-istudenti lil hinn mill-bankijiet tal-iskola.
Intant, id-Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd, Dr Alicia Said, saħqet li hemm pjanijiet biex din il-kompetizzjoni tkompli tikber.
Qalet, “Din hija l-ewwel darba imma mhux se tkun tal-aħħar. Fil-fatt għaddejjin b’diskussjonijiet bħalissa biex din il-kompetizzjoni niftħuha lill-adulti għax kien hemm anke interess mill-adulti stess is-sena l-oħra u fil-fatt staqsewna; aħna ma nistgħux nikkompetu? Jiġifieri iva l-viżjoni hi biex aħna din nagħmluha kompetizzjoni għall-etajiet kollha sabiex nibqgħu insostnu l-bżonn tal-konsum tal-ħut lokali li jinsabu fil-gżejjer Maltin u Għawdxin.”