Mid-9 ta’ Lulju, iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta se joffri kors speċjali tas-Sajf iffukat fuq il-pittura tradizzjonali Ċiniża u l-kalligrafija. Dawn l-istili artistiċi huma fost l-eqdem tradizzjonijiet fiċ-Ċina li huma popolari għas-sengħa rfinuta u għall-importanza kulturali tagħhom.
Il-parteċipanti se jkollhom l-opportunità li jiskopru t-teknika delikata u l-istorja intriganti ta’ dawn it-tradizzjonijiet antiki. Il-kors huwa adattat kemm għal dawk li għadhom jibdew kif ukoll għal dawk li għandhom xi esperjenza.
Fiċ-Ċina, il-pittura tradizzjonali tiddistingwi ruħha mill-arti tal-Punent billi hija magħrufa bħala pittura nazzjonali jew nattiva. Hemm żewġ tekniki ewlenin fil-pittura Ċiniża: it-teknika gongbi, li hija kkaratterizzata minn pinzellati preċiżi u dettaljati bl-użu ta’ kuluri vibranti, u t-teknika tal-linka u l-ħasil, li tuża linka sewda f’konċentrazzjonijiet varji.
Il-kalligrafija Ċiniża li hija l-kitba artistika tal-karattri Ċiniżi, tgħaqqad l-arti viżiva mal-interpretazzjoni tat-tifsira letterarja. Din l-arti li tgawdi minn stima kbira fost l-istudjużi antiki Ċiniżi, ġiet prattikata għal bosta snin u kienet mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra fiċ-Ċina.
It-tul tal-kors huwa mid-9 ta’ Lulju sas-16 ta’ Awwissu. Huwa miftuħ kemm għal dawk li għadhom jibdew u kif ukoll għad-dilettanti tal-arti minn 8 snin ’il fuq. Il-lezzjonijiet se jsiru fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina kull nhar ta’ Tlieta, l-Erbgħa u l-Ġimgħa mill-10:00 am sal-11:30 am.
Hemm numru limitat ta’ postijiet disponibbli. Għal aktar informazzjoni u biex tirreġistra, ibgħat email lil events2024ccc@gmail.com. Aktar dettalji jinsabu wkoll fuq il-paġna taċ-Ċentru fuq Facebook.
Iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina jinsab f’173, Triq Melita, il-Belt Valletta.