Stefan Caruana ħabbar li rtira mit-tellieqa tal-elezzjoni għal Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista biex jieħu post Michael Piccinino.
Dan fuq insistenza tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u Karol Aquilina li akkost ta’ kollox iridu lil Charles Bonello, l-assistent personali ta’ Gonzi.
Stefan Caruana li kellu warajh lid-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut ħareġ għan-nofs u fuq dan qam ġlied kbir għax Gonzi u Karol Aquilina ma riedux li Bonello jkun kontestat.
Dan kollu kien imponut fuq Bernard Grech tant li Grech stess nhar is-Sibt fuq ir-radju tal-Knisja qal li hu għandu l-kandidat ippreferut u ibbotja favur Bonello.
Dan wassal biex Mark Anthony Sammut idawwar denbu u Stefan Caruana jirtira mit-tellieqa għax fil-Partit Nazzjonalista tgħaddi biss ta’ Karol Aquilina u Lawrence Gonzi u n-nies tiegħu għad għandhom ħakma fuq il-Partit Nazzjonalista.
Aquilina fil-fatt għamel żmien anki jaħdem Kastilja fi żmien Gonzi u nnegozzja pakkett tajjeb għalih qabel spiċċa mill-impjieg taħt Gonzi.
Fuq l-elezzjoni tas-Segretarju Ġenerali, il-ġimgħa l-oħra saret laqgħa tal-eżekuttiv u kompla jinqala’ l-ġlied tant li ma ħareġ xejn konklussiv u nies fid-Dar Ċentrali kienu skomdi jwieġbu mal-liema żiemel se jżommu, hux ma’ Charles Bonello kif dejjem ried Karol Aquilina u Lawrence Gonzi jew Stefan Caruana li warajh kien hemm Mark Anthony Sammut.
Li kien żgur li Bernard Grech ma kellux għażla għajr li jobdi.
Il-kwistjoni tas-Segretarju Ġenerali flok Michael Piccinino ilha toħloq ġlied intern fil-Partit Nazzjonalista.
Kienet il-gazzetta KullĦadd li lura s-sena l-oħra ħabbret li Piccinino se jitqaċċat u Piccinino kien ċaħad imma mbagħad kellu jammetti li se jitlaq.
Fuq din il-kariga kien issemma wkoll il-Kunsillier ta’ Santa Luċija Liam Sciberras, tant li tħabbar fuq it-Times imma dan ingħad li mhux ta’ stoffa u malajr intrema’.
Kemm dam Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, bħal Bernard Grech ma ressaqx kontijiet finanzjarji awditjati għand il-Kummissjoni Elettorali bi ksur sfaċċat tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.