L-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista kellu laqgħa twila lbieraħ filgħaxija li damet sa tard billejl dan wara li d-deċiżjoni ta’ liema distrett kellu jċedi Beppe Fenech Adami qajmet dibattitu sħiħ. Dan għaliex, Beppe Fenech Adami ma riedx iċedi t-tmien distrett, bir-raġuni tkun li għal snin twal dan id-distrett kien marbut mal-kunjom Fenech Adami. Fil-fatt, wara dibattitu sħiħ u sigħat ta’ battibekki għaddiet ta’ Beppe Fenech Adami hekk kif huwa se jkun qed iċedi is-seba’ distrett.
Deċiżjoni li xejn ma niżlet għasel ma dawk li ma riedux li Fenech Adami jċedi s-seba’ distrett għaliex hekk jidħol biċ-ċans Godfrey Farrugia u fil-Partit Nazzjonalista qed jingħad li biżżejjed rebħet siġġu Marlene Farrugia li kienet eletta mill-għaxar distrett elettorali. Tal-PN ma riedux hekk għaliex hekk ikun qed jonqos siġġu ieħor minn tagħhom hekk kif il-koppja Farrugia ddikjarat li fil-Parlament se tirrappreżenta l-Partit Demokratiku.
Iżda n-nies ta’ Fenech Adami li qattgħu l-jum tat-Tnejn jagħmlu telefonati biex jikkonvinċu lil membri tal-eżekuttiv jivvotaw favur li l-Viċi Kap iċedi s-seba’ u mhux tmien distrett, irnexxilhom kif jidher biċ-ċar mid-deċiżjoni aħħarija. Huma argumentaw li Sam Abela, n-nutar mir-rabat u Antoine Borg, li kien deputat sal-aħħar leġiżlatura, għandhom ċans ikbar minn Farrugia. Qalulhom li dawn mhux biss ġabu voti iktar minn Farrugia iżda l-alfabet għandu jkun favur tagħhom ukoll.
Iżda d-dibattitu kompla għax kien hemm dawk li ma riedux jieħdu riskji u għalhekk komplew jisħqu li Fenech Adami kellu jċedi t-tmien distrett elettorali. Li kieku sar hekk kien ikollu ċans għal siġġu David Thake.
Għalhekk, il-koalizzjoni ta’ konfużjoni kompliet toħloq aktar konfużjoni fil-Partit Nazzjonalista stess, bil-kunflitti jkomplu anke wara t-telfa elettorali.