Bi 42 vot favur u 34 kontra, fil-Parlament it-Tlieta filgħaxija ġie approvat mit-Tieni Qari l-Abbozz ta’ Liġi maħsub biex jagħti protezzjoni lit-tabib u l-mara f’każ ta’ kumplikazzjonijiet waqt it-tqala li jpoġġulha ħajjitha f’periklu jew saħħitha f’riskju gravi.
Permezz ta’ din l-emenda, qed tiġi ċċarata l-pożizzjoni legali tat-tabib kuranti u tal-omm f’ċirkostanzi fejn it-tqala twassal biex l-omm tħabbat wiċċha ma’ kumplikazzjoni medika serja.
Fir-reazzjoni tiegħu b’rabta ma’ dan l-iżvilupp fil-Parlament fuq l-emenda legali proposta, il-Prim Ministru qal li din l-emenda għandha l-għan li ssalva lill-omm f’każ li jkun hemm kumplikazzjonijiet serji u gravi waqt it-tqala.
Żied jgħid li permezz ta’ dan, il-Gvern se jagħti serħan il-moħħ.
“Naturalment vot ieħor importanti li ħadna dak tat-Tieni Qari, kien dwar l-emenda li se nkunu qed nintroduċu għall-kodiċi kriminali, emenda waħda biss, fejn f’ċirkostanzi estremi fejn int għandek periklu għal ħajjet l-omm jew risku gravi għal saħħitha hemmek se nkunu qed nagħtu protezzjoni kemm lit-tobba tagħna kif ukoll lill-ommijiet f’dawk iċ-ċirkostanzi biss u b’hekk tkun tista’ tiġi terminata t-tqala biss iżda f’ċirkostanza fejn il-fetu ma jkun vijabbli.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fid-daħla tal-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dwar din l-emenda, il-Gvern kien ċar u li fejn huwa possibbli l-fetu għandu jitwelled.
“Il-miżura hija waħda favur saħħet u l-ħarsien tal-mara u fl-istess waqt għandek sitwazzjoni fejn ħajjet il-mara u ħajjet il-fetu jistgħu jikkumplimentaw u jgħixu flimkien allura diġà konna ċari ħafna li l-fetu għandu jitwelled u jgħixu flimkien.
Il-Prim Ministru Robert Abela
L-emenda legali tħabbret b’mod uffiċjali mill-Gvern fis-16 ta’ Novembru u tressqet għall-ewwel qari fil-Parlament fil-21 ta’ Novembru b’ġimgħa wara din tgħaddi għall-istadju tat-Tieni Qari.
Għal jiem sħaħ, il-Parlament iddiskuta din l-emenda proposta, bin-naħa tal-Gvern turi b’mod ċar u professjonali kif din ir-riforma hija waħda bżonnjuża għal meta saħħet il-mara tkun f’riskju gravi u tagħti l-protezzjoni legali tal-professjonisti mediċi, filwaqt li d-Deputati Nazzjonalisti rridikolawha u żebilhuha.
It-Tlieta filgħaxija, l-Oppożizzjoni vvutat kontra fit-Tieni Qari ta’ din l-emenda proposta.
Ta’ min ifakkar li d-diskors li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament dwar dan, kien ġie kkundannat bil-qawwa minn bosta, hekk bosta għaqdiet u gazzetti indipendenti sejħulu bħala wieħed insensittiv fil-konfront tan-nisa li jaf jiġu bżonn din l-emenda f’każ ta’ kumplikazzjonijiet serji waqt it-tqala.
L-emenda legali proposta issa ser tkun qed tidħol fi stadju ta’ Kumitat tal-Abbozzi tal-Liġijiet.
Waqt li kienet għaddejja s-Seduta Parlamentari, quddiem il-binja tal-Parlament ittellgħet konferenza tal-aħbarijiet mill-Koalizzjoni Voice for Choice u fl-istess ħin, ittellgħet ukoll dimostrazzjoni minn dawk li jopponu din l-emenda legali.
Fil-konferenza tagħha l-Voice for Choice, li tiġbor fi ħdanha diversi għadiet fosthom Acaedmics for Choice, Doctors for Choice, il-Fondazzjoni intergra u l-Moviment Graffiti, qalet li dan l-abbozz ma hu xejn ħlief rikonoxximent bażiku li l-ħajja tan-nisa hija importanti.
Ġie mtenni li min jopponi l-abbozz jew jitlob li jiġi iktar ristrett qed juri disprezz lejn in-nisa f’dan il-pajjiż u jipperikolalhom ħajjithom u saħħithom.
Intant f’din il-konferenza, b’riferenza ċara għad-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fejn fiha żeblah u żżufjetta persuna li kienet qed issofri minn kumplikazzjonijiet mediċi, il-koalizzjoni Voice for Choice rrimarkat li hija diżgustata b’dak li ntqal. Sostniet li l-misoġinija, in-nuqqas ta’ rispett, il-mod kif irredikolaw u nsultaw mara li għexet esperjenza terribbli kkaġunata huwa inaċċettabbli.