Illejla mill-Parlament għaddiet il-liġi li ser twassal għal rappreżentana iktar ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Dan wara li l-abbozz li kellu bżonn il-vot favur ta’ mill-inqas żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti għadda b’tlieta u sittin vot favur u tnejn kontra.
Hekk kif ressaq it-tielet qari ta’ dan l-abbozz, il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis innota kif dan kien mument storiku fil-politika lokali, fejn iż-żewġ naħat tal-Kamra għamlu pass importanti għal rappreżentanza iżjed ugwali bejn is-sessi fil-Parlament.
Fuq twitter, il-Prim Ministru Robert Abela qal kif dan hu jum storiku għal Malta hekk kif dan hu pass ‘il quddiem favur l-ugwaljanza bejn is-sessi.
Qal kif din il-liġi hija turija kif dan il-Gvern hu kommess li jimplimenta politika inklussiva u progressiva.
Intant lejn tmiem is-seduta tal-lum, fil-Parlament għadda wkoll l-abbozz li jimplimenta l-miżuri tal-estimi tal-Budget b’ħamsa u tletin vot favur u tletin kontra.
Bl-istess ammont ta’ voti għadda wkoll mill-Parlament l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-liġi li tirregola l-professjoni legali.