Permezz tal-ħidma ta’ l-Ewroparlamentari Miriam Dalli, aktar minn 500 miljun ewro fil-qasam tal-migrazzjoni mhumiex se jintilfu.
Liġi li nnegozjat l-Ewroparlamentari Miriam Dalli f’isem il-Parlament Ewropew ingħatat it-timbru finali llum, wara ġimghat ta’ negozjati u voti kemm fil-Parlament Ewropew u kif ukoll fi ħdan l-istrutturi tal-Kunsill Ewropew.
Illum il-Parlament ivvota favur din il-liġi biex ikun hemm solidarjetà fi tqassim tar-responsabiltà u biex il-piż ma jaqax kollu fuq pajjiżi bħal Malta. Dan il-vot għadda b’maġġoranza ta’ aktar minn żewġ terzi tal-Kamra. Kien nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Novembru, li l-Membri Stati tal-Unjoni Ewropea ivvutaw b’maġġoranza assoluta favur it-test legali li nnegozjat Miriam Dalli. In-negozjati dwar din il-liġi ġew konklużi ġurnata biss qabel ma ttieħed il-vot qalb il-pajjiżi.
Permezz tan-negozjati, Miriam Dalli ħadmet biex tassigura li €500 miljun ma jintilfux wara li l-iStati Membri ma rnexxilomx jassorbu dawn il-fondi fi żmien sentejn għal finijiet ta’ rilokazzjoni. Dr Dalli insistiet illi parti minn dawn il-fondi jkunu garantiti għal miżuri ta’ rilokazzjoni u rrisistemazzjoni – azzjonijiet meqjusa bħalha kruċjali fl-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-solidarjetà ma pajjiżi bħal Malta. Dan il-prinċipju huwa ssalagwardjat fl-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Ewroparlamentari Maltija kisbet l-appoġġ għal din il-bażi legali b’suċċess.
L-approvazzjoni ta’ din il-liġi ifisser messaġġ ċar favur solidarjetà bejn l-iStati Membri, speċjalment lejn pajjiżi li jinsabu fuq il-fruntiera bħal Malta. Ifisser ukoll li aktar fondi se jkunu qed jingħataw lill-iStati Membri fis-sentejn li ġejjin biex jimplimentaw il-programmi nazzjonali tagħhom.
F’kummenti dwar dan il-qbil, l-Ewroparlamentari Maltija qalet: “In-negozjati biex nassiguraw użu minimu tal-fondi għar-rilokazzjoni ma kinux faċli. Minħabba l-urġenza ta’ din il-liġi, il-ħidma u n-negozjati saru fi żmien qasir. Minkejja dan, ir-riżultat kien wieħed pożittiv. Nuqqas ta’ qbil kien ifisser telf ta’ aktar minn 500 miljun ewro. Sodisfatta bir-riżultat milqugħ għax qed aktar stati membri jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-pajjiżi l-aktar milquta u li kullħadd jagħmel il-parti tiegħu.”